Jerġa’ jindifen l-Imnieħru

mill-Qorti

Il-katavru ta’ Mario Camilleri ‘l-Imnieħru’ mistenni jiġi midfun fil-jiem li ġejjin, wara li l-Ispettur Chris Pullicino informa lill-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa li fis-seduta li jmiss fil-każ tal-qtil ta’ Mario Camilleri u ibnu Mario Camilleri Junior ta’ 21 sena mistenni jixhed l-espert li għamel l-eżamijiet fuq il-kranju tal-Imnieħru. 

Dan il-verbal sar mill-Ispettur Chris Pullicino matul il-kumpilazzjoni ta’ Jason Galea, ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, u Ronald Urry, ta’ 49 minn Raħal Ġdid, li huma mixlijin bil-qtil ta’ Matthew Zahra, ta’ 27 sena. Zahra kien għeb nhar il-15 ta’ Awwissu tas-sena 2012 u nstab midfun f’għalqa fil-Qajjenza f’Lulju tal-2013, meta kienet qed issir tfittxija għal Mario Camilleri u ibnu.

Il-Qorti semgħet kif nhar it-23 ta’ Lulju, il-Qorti kienet ordnat sabiex jinqala’ l-katavru ta’ Mario Camilleri mill-qabar tiegħu biex isiru testijiet fuq il-kranju tiegħu. Dan wara li l-patalogi u l-pulizija ma qablux fuq il-kawża tal-mewt ta’ Camilleri. Il-pulizija qed jinsistu li huwa miet permezz ta’ tir f’rasu, filwaqt li l-esperti tal-Qorti qed jisħqu li minkejja li qala’ tir, din ma ppenetratx il-kranju tiegħu.

“Wara li l-katavru ta’ Camilleri ġie eżaminat, il-pulizija u esperti tal-qorti għamlu l-eżamijiet fuq il-kranju ta’ Mario Camilleri (l-Imnieħru) wara li dan reġa’ nqala’ mill-qabar. L-espert huwa mistenni jixhed fis-seduta li jmiss u wara li dan l-espert ikun xehed, il-prosekuzzjoni mistennija titlob id-difna mill-ġdid tal-Imnieħru.”

L-awtorizzazzjoni trid tiġi mill-Maġistrat Micallef Trigona wara li jkun sema’ x-xhieda tal-espert. Il-Maġistrat Josette Demicoli, li qed tippresedi l-kumpilazzjoni tal-qtil ta’ Matthew Zahra, iddikjarat li fl-eventwalità li l-Maġistrat Micallef Trigona jawtorizza d-difna, din tkun tista’ ssir. 

Il-kawża ġiet differita għat-13 t’Ottubru.

More in Qrati u Pulizija