Tliet tallaba Bulgari li f’dawn l-aħħar ġimgħat dehru jittallbu għall-karità fi Triq ir-Repubblika, il-Belt, tressqu l-Qorti mixlija li “għexu ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ u f’post pubbliku mmolestaw lin-nies biex jitolbu l-karità.”
L-imputati – Ivan Borisov, ta’ 29 sena, Genoveva Dineva ta’ 31 sena, u Kirana Ivanova ta’ 61 sena ammettew l-akkużi kontrihom. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet kif il-Bulgari ma kinux jafu li f’Malta huwa illegali li tittallab, u anke talbu skuża ta’ għemilhom.
Sorsi qrib din il-gazzetta qalu li l-Bulgari kienu ilhom jittallbu fi Triq ir-Repubblika u madwar toroq oħrajn għal tal-inqas tlett ijiem. Waħda min-nisa kienet qed iżżomm ritratt waqt li qed tittallab, filwaqt li mara oħra dehret ixxejjer tazza vojta lejn it-turisti u nies oħra mexjin. Huwa mifhum ukoll li l-pulizija tad-distrett tal-Belt irċevew bosta lmenti minn residenti u turisti.
It-tliet Bulgari, li wieħed minnhom deher fuq siġġu tar-roti, ammettew l-akkużi kollha miġjuba kontriehom. Huma ġew liberati bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien tnax-il xahar.