Belti kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena

mill-Qorti

Raġel ta’ 50 sena mill-Belt ġie miżmum taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li t-Tlieta filgħaxija kkorrompa tfajla ta’ 15-il sena li kienet qed taħdem f’ħanut fi Strada Stretta fil-Belt. 

Il-każ seħħ bejn il-ħabta tad-9pm u l-11pm meta l-imputat, Ġesù Maria Nappa Licari, magħruf bħala Jesmond, allegatament kien qiegħed jixrob f’ħanut fi Strada Stretta. Huwa mifhum li l-akkużat ipprova jixtri sigaretti mill-magna tal-ħanut fejn l-allegata vittma kienet qed taħdem, iżda l-magna ma bdietx taħdem. Għaldaqstant, huwa talab lit-tfajla biex tgħinu. 

Hu mifhum li f’ħin minnhom, huma kienu waħedhom fil-ħanut u malli t-tfajla tbaxxiet biex tipprova tara xi problema kien hemm fil-magna, l-imputat allegatament għannaq lit-tfajla, biesha, u anke mess il-partijiet privati tagħha. 

L-Ispettur Daryl Borg qal li dan l-inċident ġie rrekordjat fuq is-CCTV tal-ħanut.

L-ispettur qal ukoll li wara l-allegat inċident, il-vittma, li isimha ma jistax jixxandar għax hi minuri, marret l-Għassa tal-Belt u għamlet rapport. Sussegwentament, il-pulizija marru fuq il-post u arrestaw il-vittma. 

Quddiem il-Maġistrat, Jesmond, li m’għandux impjieg, wieġeb mhux ħati li b’għemil żieni kkorrompa lit-tfajla u li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur tagħha, kif ukoll li żamm jew issekwestra lit-tfajla kontra l-volontà tagħha. Huwa ċaħad ukoll li ġab ruħu b’mod li ta fastidju lill-allegata vittma meta messu kien jaf li l-aġir tiegħu qed joħloq fastidju.

Intant id-difiża, permezz tal-Avukat Alessandro Lia, għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, fejn huwa qal li l-imputat għadu preżunt innoċenti. L-Avukat tenna li f’dawn l-aħħar jiem sema’ ħafna dwar każijiet ta’ abbuż u li dawn tal-aħħar saru xi ħaġa komuni.

“L-akkużi huwa bbażati biss fuq allegazzjonijiet ta’ tifla ta’ 15-il sena. Huwa veru li wieħed għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għal għemilu, però dan l-aħħar, każijiet t’abbuż saru wisq regolari. Wasalna f’sitwazzjoni fejn qed nisparaw ħafna affarijiet għalxejn,” qal l-Avukat Lia. 

Żied jgħid li l-imputat għandu tlett itfal, li l-età tagħhom tvarja minn 25 sena sa sentejn. Qal li qatt ma rriżulta xi ħaġa simili mill-fedina penali tiegħu u li l-Qorti tista’ timponi diversi kundizzjonijiet fosthom li tordna lill-imputat biex ma jersaqx lejn it-tifla. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u minħabba n-natura serja tal-imputazzjonijiet. Intant il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża sabiex l-isem tal-akkużat ma jiġix imxandar.

“Jekk l-imputat jinstab innoċenti, ismu u r-reputazzjoni tiegħu xorta se jkunu tħammġu. Min ħa jerfa’ r-responsabbiltà mbagħad?” qal l-Avukat. 

Madankollu, il-Qorti ċaħdet it-talba tad-divjett fuq l-isem tal-imputat u żammet lill-akkużat taħt arrest preventiv. 

More in Qrati u Pulizija