Ħniena lil raġel b’120 kundanna

mill-Qorti

Raġel ta’ 61 sena minn Ħal Safi ġie kkundannat għal 12-il xahar ħabs u mmultat €200 wara li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia sabitu ħati li f’Lulju tal-2008 huwa attakka, ħebb, irreżista tmien uffiċjali tal-pulizija u li kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq il-Kuntistabbli Christopher Farrugia. 

Joseph Zahra nstab ħati wkoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li żamm fuqu arma bil-ponta, u li kien reċediv.

Il-Qorti semgħet kif nhar id-19 ta’ Lulju 2008, Zahra daħal fl-għassa tal-pulizija ta’ Birżebbuġa. Huwa daħal b’ħafna rabja, qabad jidgħi u hedded l-Ispettur Priscilla Caruana li se jwaddbilha tyre għal wiċċha “għax xebgħet titnejjek bih.”

Meta kien mitlub biex jikkalma, l-akkużat qal lill-ispettur Jerry Attard “lilek inpattihielek,” u beda jindirizza lill-Ispettur Johan Fenech bil-kelma “pufta.” Wara li ħareġ mill-għassa, l-imputat qala’ ċitazzjoni għax il-liċenzja tal-karozza ma kinitx imġedda. Sussegwentament l-imputat daħal fil-karozza u minn bejn is-seats deher jaqbad sikkina.

Meta ntalab biex iċedi s-sikkina u joħroġ mill-karozza, huwa ma kkoperax, u l-pulizija kella tuża l-pepper spray fuqu. 

Il-Qorti qalet li ma kienx “tollerabbli” li persuna jgħajjar u jhedded uffiċjali tal-pulizija waqt xogħolhom, wisq inqas meta dan il-persuna jaqbad sikkina. Il-Qorti qalet li l-akkużat għandu xejn inqas minn 120 kundanna bejn l-1963 u l-2008.

“L-akkużat ma jistax iweħħel fil-pulizija, irid jifhem li l-għawġ kollu hu tort tiegħu. Irid jifhem li jeħtieġ li jġib ruħu sew, anki jekk il-Qorti se tuża element ta’ ħniena miegħu billi tagħtih piena minima,” qal il-Maġistrat Ian Farrugia. 

More in Qrati u Pulizija