Għarwien u jeħel €4,000 multa

mill-Qorti

Franċiż ta’ 24 sena kien immultat €4,000 u kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li l-ġimgħa l-oħra ġera għarwien f’San Ġiljan u li aggredixxa żewġ surġenti tal-pulizija li ordnawlu biex jilbes.

L-inċident seħħ nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu għall-ħabta tas-7.20am meta l- akkużat, Yohan Schwanke, ta’ 24 sena minn Franza ntlemaħ miexi għarwien fejn stabbiliment tal-ikel ta’ San Ġiljan. Sorsi qrib din il-gazzetta qalu li wara li ntlemaħ mill-pulizija, il-Franċiż, li ġie Malta fuq btala, qasam it-triq u qabeż fil-baħar.

L-uffiċjal prosekutur Jason Francis Sultana qal ukoll li waqt li l-Franċiż kien qed jgħum, huwa tela’ fuq dgħajsa u beda juri l-warrani tiegħu lejn id-direzzjoni tas-Surġent Oliver Cassar. L-akkużat imbagħad tela’ mill-baħar, mar ħdejn ix-xatt u libes shorts. 

Il-Qorti semgħet kif waqt li l-imputat kien qed jiġi eskortat mill-pulizija lejn l-għassa ta’ San Ġiljan, huwa mbuttaha u rremmetta fuq is-Surġent Oliver Cassar u kissirlu n-nuċċali. Malli rah dan, is-Surġent Anthony De Giovanni mar jagħti l-assistenza tiegħu, mmanettja lil Schwanke u ħadu fiċ-ċella tal-għassa. 

Il-Qorti semgħet kif minkejja li ż-żagħżugħ Franċiż kien fis-sakra u ma jiftakar xejn, huwa xorta waħda ammetta l-akkużi kontrieh. Huwa skuża ruħu għall-imġiba tiegħu u qal li kien lest iħallas għall-ħsara li kkaġuna.

Huwa ammetta li fera ħafif lis-Surġent wara li heddu, li kien fis-sakra u fi stat li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nniffsu, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. 

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli tatu multa ta’ €4,000 u kkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. 

More in Qrati u Pulizija