Prostituti Rumeni kienu msawta u mhedda

mill-Qorti

Żewġ nisa Rumeni li kienu jaqilgħu bejn €80 u €300 għal nofs siegħa sess qalu li huma kienu mhedda u msawta mil-eks sieħeb Rumen tagħhom sabiex jipprostitwixxu rwieħhom f’appartament f’San Ġwann u f’lukandi f’San Ġiljan.

Dan intqal dil-ġimgħa minn Pilaf Anisoara u Mariaca Daresco, żewġ nisa Rumeni li kienu qed jixhdu fil-konfront ta’ Alexandru Onofrei ta’ 26 sena, ukoll mir-Rumanija, li qed iwieġeb mhux ħati li ttraffika lil Pilaf Anisoara u Mariaca Daresco, li sfurzahom jipprostitwixxu lilhom infushom kontra l-volontà tagħhom u li mexxa burdell.

Fix-xhieda tagħha, Pilaf Anisoara qalet li l-akkużat kien ħadilha ritratti “indiċenti” u nofsha għarwiena u mbagħad ħolqilha kont fuq sit li joffri servizzi sesswali f’Malta u kif ukoll ħinijiet u prezzijiet. 

“Alex,” l-akkużat, “għamilli kont fuq dan is-sit u permezz ta’ dan, bosta klijenti kienu jċempluli fuq il-mowbajl. Kont immur ma’ bejn tlieta u erba’ klijenti kull darba li kont immur f’appartament f’San Ġwann,” hija qalet.

Hija qalet li l-klijenti kienu jħallsu €80 għal nofs siegħa u dan kien jinkludi l-att sesswali nnifsu. Hi kienet tħallas lill-akkużat 40% tal-prezz.

Intant, Mariaca Daresco, li wkoll kienet is-sieħba ta’ Onofrei u li wkoll kellha kont fuq is-sit li jirreklama l-“call girls”, qalet lill-Qorti li għal bidu kollox kien ward u żahar, però l-ħajja feliċi ta’ mħabba li kellha spiċċat f’“ħolma kerħa wara li nbidel mil-lejl għan-nhar u beda jsawwatha.”

Il-Qorti semgħet kif allegatament l-akkużat kien jisforza lil Daresco biex tmur mal-irġiel, u li meta kienet tiċħad kien isakkarha u anke jsawwatha – tant hu hekk li x-xhud qalet li darba minnhom, huwa kważi qalagħlha xagħarha. 

Daresco spjegat kif hija kellha x’taqsam sesswalment ma’ tliet klijenti biss: żewġ Taljani u Tork.

“Kont niltaqa’ magħhom f’lukandi lussużi f’San Ġiljan. L-ewwel konna nieklu għal xi siegħa u nofs u mbagħad konna nitilgħu fuq u nagħmlu nofs siegħa sess. Kont neħdilhom €300 b’kollox u darba minnhom tlabt €40 oħra għat-taxi,” qalet Daresco.

Il-flus kienet imbagħad tagħtihom lill-akkużat. 

Meta mistoqsija mill-Maġistrat għaliex qatt ma kienet pruvat taħrab minkejja li kienet tiġi msawta u li kellha aċċess għal mobile u setgħet toħroġ, Daresco – li matul ix-xhieda tagħha tennet li hija kienet imwerwra mill-akkużat – qalet li ma kinitx tazzarda li tagħmel dan.

“Qatt ma pruvajt naħrab. Meta tkun fil-pożizzjoni tiegħi, lanqas biss tipprova. Huwa raġel tal-biża’ ħafna u għadni nibża’ minnu sal-lum, minkejja li qiegħed taħt arrest.”

Intant, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u żammet lill-akkużat taħt arrest preventiv minħabba biża ta’ intralċ ta’ provi u biża’ li jaħrab minn Malta. 

L-Ispettur Sylvana Briffa qed tmexxi l-prosekuzzjoni. 

More in Qrati u Pulizija