Is-suspettat ħarab minn Malta u baqa’ ma nstabx

Qtil ta’ Bulgara f’Buġibba fl-2011

Il-katavru ta’ Irena qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija
Il-katavru ta’ Irena qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija
Ħwejjeġ, x’aktarx tal-aggressur, għadhom fil-gallarija
Ħwejjeġ, x’aktarx tal-aggressur, għadhom fil-gallarija
Investigaturi deħlin fil-blokk ta’ appartamenti
Investigaturi deħlin fil-blokk ta’ appartamenti

Il-qtil ta’ mara mill-Bulgarija wasal ftit aktar minn erba’ xhur wara l-ewwel omiċidju fl-2011 meta omm ta’ nazzjonalità Russa qatlet lil bintha f’appartament fix-Xemxija. F’dan l-ewwel delitt il-Pulizija akkużat lil Tamara Gennadievan Boubekova li dakinhar kellha 58 sena bil-qtil ta’ bintha Yulia Kalinina ta’ 28 sena. Dwar il-qtil ta’ Irena Bilyanova Abadzhieva li kellha 38 sena mill-Bulgarija, il-Pulizija għandhom biss suspett qawwi min qatel lill-Bulgara, imma mhux il-qattiel innifsu li l-investigaturi jinsabu ċerti li dan ħarab minn Malta ftit wara li wettaq id-delitt.

Riħa tinten minn appartament

Għalkemm il-katavru nstab nhar is-Sibt, 4 ta’ Ġunju 2011, Irena Bilyanova Abadzhieva kienet ilha mejta madwar ġimgħa. Hija kienet toqgħod f’appartament fi blokk bl-isem ta’ ‘Antonia Flats’ fi Triq it-Turist f’Buġibba.

Kien għall-ħabta tal-11am meta wieħed mill-ġirien tal-vittma xamm riħa tinten ġejja mill-appartament ta’ Abadzhieva u billi kien ilu ma jaraha għal xi jiem issuspetta ħażin. Il-ġar qal lil ibnu biex imur ifittex sid l-appartament u jgħidlu biex jiġi jara x’hemm għax ir-riħa kienet insapportabbli. It-tifel, ġuvni ta’ 27 sena minn Buġibba stess, mar sab lis-sid u flimkien marru fil-blokk ta’ appartamenti li kif daħlu fil-komun ir-riħa tinten kienet diġà tinxtamm. 

Kif waslu fir-raba’ sular, fejn kellha l-appartament il-vittma, ir-riħa kienet aktar qawwija. Wara li ħabbtu l-bieb u ma rrisponda ħadd, is-sid fetaħ l-appartament numru 8. Kif daħlu mill-ewwel innuttaw tiċpis tad-demm. Sid il-blokka ta’ appartamenti daħal aktar ’il ġewwa fil-kamra li tagħti għall-gallarija ta’ fuq it-triq u ra liżar u quilt li kienu qegħdin jgħattu xi ħaġa. Kif resaq aktar viċin u ra saqajn il-vittma. 

Mingħajr ma messew xejn aktar huma ħarġu mill-appartament u marru l-Għassa tal-Pulizija li tinsab ftit metri ’l bogħod minn fejn seħħ id-delitt.

Aktar minn 40 daqqa ta’ arma bil-ponta

L-ewwel ma waslu fuq il-post tad-delitt kienu l-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa tal-Qawra li tinsab fl-istess triq. Huma kienu mmexxijin mill-eks Spettur Therese Sciberras flimkien mas-Surġent Lydon Zammit u l-Kuntistabbli Salvatore La Grasta u Nicholas Bugeja. Kollox kien jindika li dan kien każ ta’ omiċidju u għalhekk issejħu l-ispetturi mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali mmexxijin mill-Ispettur Chris. Marru wkoll l-Assistent Kummissarju Raymond Zammit, illum l-Aġent Kummissarju u s-Supretendent Carmelo Magri, illum Assistent Kummissarju. 

Kif daħlu fl-appartament u bdew bl-istħarriġ irriżulta li Abadzhieva kellha diversi daqqiet x’aktarx ta’ sikkina. Fuq il-post marret il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella li mexxiet l-aċċess u ħatret lit-tabib forensiku Mario Scerri bħala espert tal-Qorti. 

Meta tneħħew il-liżar u l-quilt u l-esperti forensiċi bdew jeżaminaw il-katavru Irena Abadzhieva rriżulta li kellha diversi daqqiet fuq wiċċha, f’għonqha, f’sidirha, fl-istonku, fuq kuxxtejha u partijiet oħrajn ta’ ġisimha. Kien jidher li l-vittma kellha aktar minn 40 daqqa ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. Il-katavru kien diġà fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.

Il-qattiel ried ikun ċert li l-mara tmut u ma tkunx tista’ ssejjaħ għall-ajjut tant li partijiet minn imsarinha wkoll instabu barra bid-daqqiet brutali li qalgħet. Irena nstabet bl-ilbies li s-soltu wieħed jorqod bihom li kienu jindikaw li l-mara jew kienet lesta biex tidħol torqod jew kienet għadha kif qamet meta sfat aggredita. 

L-uffiċjali tax-Xena tar-Reat, immexxijin mill-Ispettur Ramon Cassar, elevaw kull traċċa li seta’ ħalla warajh il-qattiel. 

Fost l-aktar evidenza li ħalla warajh kienu tiċpis tad-demm li nstabu qrib sink li jindikaw li l-qattiel mar jaħsel idejh wara li wettaq id-delitt.

Meta dan id-demm kien eżaminat mill-esperti forensiċi, fosthom siroloġisti, kien konfermat li ma kienx tal-vittma iżda ta’ raġel. 

Kien stabbilit li l-aħħar li l-vittma dehret ħajja kien nhar il-Ħadd, 29 ta’ Mejju 2011 għall-ħabta tal-5pm. Hija kienet taħdem fi stabbiliment f’San Ġiljan bħala fattiga. L-appartament fejn instabet maqtula kien ilu mikri għandha mit-2 ta’ Novembru 2010 imma mhux magħruf jekk hi daħlitx Malta f’dawk il-jiem jew qabel.

Fannijiet mixgħulin

Il-qattiel ta’ Abadzhieva ried ikun ċert li meta jinstab il-katavru, huwa jkun ilu li telaq minn Malta. Għaldaqstant huwa għatta l-katavru biex ir-riħa ddum ma tinxtamm tant li anke poġġa żewġ fannijiet u ħalla l-gallarija miftuħa. Peress li kien Ġunju, u s-sħana kienet diġà bdiet sew, min ra l-gallarija miftuħa bil-purtiera ttir, ma kellux għalfejn jaħseb ħażin għax hija xi ħaġa naturali li b’temperaturi sħan il-gallariji u twieqi jitħallew miftuħin anke matul il-lejl.

Suspetti fuq Tork

Għalkemm dan il-każ għadu sal-lum uffiċjalment mhux solvut, għax il-Pulizija ma arrestaw lil ħadd b’konnessjoni mal-qtil ta’ Abadzhieva, l-investigaturi jinsabu konvinti li l-persuna responsabbli huwa l-eks sieħeb tal-vittma li iżda ħarab minn Malta wara li wettaq l-omiċidju.

L-investigaturi f’dan il-każ għandhom provi suffiċjenti li jpoġġu lil ċertu Mustafa Kosorgeli, li meta wettaq il-qtil kellu 29 sena u li huwa ta’ nazzjonalità Torka, mhux biss fil-post tad-delitt imma allegatament li kien hu li wettaq l-omiċidju brutali. 

Il-Pulizija stabbilixxew li Kosogeli kien ilu jgħix Malta bil-viża skaduta għal aktar minn erba’ snin u l-aħħar indirizz li kien joqgħod kien propju fl-istess appartament tal-vittma. 

Persuni li kienu jafu lil Irena qaluli li f’daqqa waħda anke Mustafa Kosogeli kien ilu ma jidher għal madwar ġimgħa, iżda peress li dan kien barrani u fl-inħawi hemm ħafna barranin li jiġu u jmorru, għalihom kienet xi ħaġa ta’ rutina fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Sors ieħor qalli li fil-gallarija spiss kien ikun hemm xi ħwejjeġ ta’ raġel minxurin, kif fil-fatt kien għad hemm meta nstab il-katavru tal-Bulgara, kif ukoll gaġeġ bl-għasafar. L-istess sors qal li probabbli l-istess qattiel fetaħ il-gaġeġ u ħarrab l-għasafar qabel ħarab hu wkoll.

“Il-qattiel ried ikun ċert li l-mara tmut u ma tkunx tista’ ssejjaħ għall-ajjut”

Xtara biljett tal-ajru għat-Turkija

Mill-investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija rriżulta li Mustafa Kosogeli kien ħalla Malta lejn Istanbul fit-Turkija u għalhekk mhux eskluż li l-Pulizija Maltija talbu l-assistenza tal-kollegi tagħhom fit-Turkija. Iżda dan qatt ma nstab u ma neskludix li anke kieku nstab mhux faċli biex dan jinġieb Malta biex jiffaċċja akkużi ta’ omiċidju fejn jista’ jeħel għomru l-ħabs.

It-Tork ipprova jitlaq minn Malta l-għada li allegatament wettaq id-delitt, it-Tnejn, 30 ta’ Mejju, iżda ma kienx hemm post fuq it-titjira tal-Air Malta lejn Istanbul. Għaldaqstant huwa xtara biljett għat-titjira li kien imiss, dik tal-Ħamis, li kienet it-titjira KM786 lejn Istanbul li telqet minn Malta fis-5.50am u waslet it-Turkija fid-8.55am. 

Minħabba li t-Turkija ma jagħmilx parti miż-Żona Schengen, Kosogeli kellu jgħaddi mill-proċedura tal-immigrazzjoni. Kien hawn li rriżulta li t-Tork kellu l-viża skaduta b’erba’ snin u tmien xhur iżda minħabba li l-proċeduri tal-immigrazzjoni kienu nbidlu, kulma ntalab biex jagħmel huwa li jiffirma dik imsejħa bħala “Immigration Notice” fejn iddikjara li kien Malta illegalment. Wara ttieħdu fotokopji tal-passaport u tal-viża kif ukoll id-dettalji kollha li jiddaħħlu fis-sistema tal-immigrazzjoni u tħalla jitlaq minn Malta b’mod normali. 

Qabel ma nbidlet il-proċedura dawk kollha li kienu jinstabu li kienu Malta bil-viża skaduta, kienu jinżammu mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni fl-ajruport jew fil-port, jitressqu l-Qorti u wara kienu jiġu deportati lejn pajjiżhom. Iżda biex ikun frankat il-ħin tal-Pulizija u l-Qorti kif ukoll l-ispejjeż li jinvolvu dawn il-proċeduri, kienet inbidlet is-sistema u l-persuna b’viża skaduta titħalla titlaq minn Malta mingħajr ma jittieħdu passi legali kontriha. F’każ li l-istess persuna terġa’ tiġi Malta, billi jipprova jidħol f’pajjiżna minn xi pajjiż li mhux fiż-Żona Schengen, dan jinżamm għax ismu bid-dettalji kollha jitilgħu fuq il-kompjuter. Dan ma kienx l-uniku każ li kriminal ħareġ minn Malta minħabba li ma nżammx mill-Immigrazzjoni.

Iżda l-istħarriġ tal-Pulizija xorta kompla għaddej fejn anke saru diversi kuntatti ma’ Pulizija internazzjonalment fosthom dawk fit-Turkija. Nifhmu li l-kuntatti li saru, anke fix-xhur li għaddew, l-awtoritajiet Torok ikkoperaw ħafna mal-Pulizija Maltija. 

Tiġi Malta oħt il-vittma

Kif il-familja ta’ Irena Bilyanova Abadzhieva ġew informati bit-traġedja li laqtithom, ġiet Malta oħt il-vittma biex tħejji l-arranġamenti għad-difna ta’ Irena. Iżda oħt Irena sabet li ma setgħet tagħmel xejn qabel tlestew l-eżamijiet forensiċi kif ukoll tossikoloġiċi kollha u għaldaqstant il-Maġistrat Inkwerenti, Dr Gabriella Vella, ma kinitx f’pożizzjoni li tawtorizza d-difna.

Il-katavru tal-Bulgara ttieħed lejn pajjiżha

Xahrejn wara li Irena Bilyanova Abadzhieva nstabet maqtula brutalment, inħarġet l-awtorizzazzjoni biex il-katavru tagħha jkun jista’ jittieħed mill-qraba tagħha u tingħata l-aħħar tislima.

Fil-fatt il-katavru tal-Bulgara telaq minn Malta fis-6 ta’ Awwissu 2011 fuq titjira tal-Air Malta lejn Sofia fil-Bulgarija. Nifhmu li l-katavru ta’ Abadzhieva ġie kkremat. 

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. 

More in Qrati u Pulizija