Se jgħaddi ġuri t-tielet kompliċi

Is-serqa li falliet fuq il-bank ta’ St Andrews

Il-Pulizija ngħataw sinjal minn tieqa waqt li kienu qegħdin biswit il-bank
Il-Pulizija ngħataw sinjal minn tieqa waqt li kienu qegħdin biswit il-bank

Nhar it-Tnejn, 6 ta’ Ottubru 2014, quddiem l-Imħallef Dr Michael Mallia mistenni jibda jinstema’ ġuri dwar serqa fuq bank f’St Andrews li falla fl-1996 wara intervent ta’ żewġ kuntistabbli li dakinhar kienu qrib il-bank.

George Xuereb ta’ 49 sena mill-Marsa allegatament kien kompliċi flimkien ma’ tnejn oħrajn li diġà għaddew minn proċeduri fil-Qorti u ngħataw sentenza ta’ għaxar snin priġunerija kull wieħed. Dawn kienu Carmel Spiteri, magħruf bħala “l-Biżabellu” u Joseph Polidano magħruf bħala “Żeppi l-Għarbi.”

Il-każ seħħ fis-27 ta’ Marzu 1996 għall-ħabta tal-10.20am meta quddiem il-bank, li dak iż-żmien kien il-Mid-Med Bank u llum sar HSBC, waqaf vann u minnu niżlu tliet irġiel mgħammda u armati. Kif daħlu fil-bank ħatfu lill-Kuntistabbli li kien għassa, Maurice Laferla li miet xi snin ilu, ħadulu l-arma u anke aggredewh billi tawh daqqa bil-manku tal-arma fuq rasu.

Ftit sekondi wara li l-ħallelin daħlu fil-bank, eks PC Edward Falzon u eks PC Emanuel Cilia, li kienu fl-iskwadra tal-mobile, daħlu fil-pompa tal-petrol li hemm biswit il-bank għax kellhom wieħed mit-tyres baxx. Kif ħarġu mill-vettura, innutaw impjegat tal-bank li kien qed jipprova jiġbdilhom l-attenzjoni minn wara tieqa tal-istess bank. Dan għamlilhom sinjal li kienet għaddejja serqa u għamel sinjal b’idejh forma ta’ arma ma’ rasu.

Kif wieħed mill-kuntistabbli resaq lejn il-bank, it-tliet ħallelin ippanikkjaw u ħarġu mill-bank b’wieħed minnhom jibda jispara fid-direzzjoni taż-żewġ pulizija.

Min-naħa tagħhom iż-żewġ pulizija ddefendew lilhom infushom billi sparaw lura lejn it-tliet irġiel fejn tnejn minnhom, Polidano u Spiteri, intlaqtu f’riġlejhom.  Minkejja li kienu feruti, huma xorta daħlu fil-vann u ħarbu minn fuq il-post. Waqt din il-ħarba l-ħallelin laqtu karozza li kien fiha xi turisti, iżda baqgħu sejrin. B’xorti tajba t-turisti ma sofrew ebda ġrieħi. 

Minnufih bdiet tfittxija għat-tliet ħallelin. Wieħed minnhom, Polidano, kien arrestat ftit tal-ħin wara mill-Ispettur Bertu Mula. Polidano kien instab f’parapett fi Triq Ross f’San Ġiljan bid-demm ħiereġ minn siequ kawża tal-ferita li sofra.

Il-Pulizija komplew bi tfittxija għat-tnejn l-oħrajn fejn l-ewwel ma nstab kien George Xuereb imma “l-Biżabellu” baqa’ mistoħbi u ma deherx. Kien madwar tmin ġimgħat wara li l-Pulizija sabu t-traċċi tiegħu arrestawh fl-inħawi ta’ Ħal Qormi.

Li ma kienx għall-intervent ta’ Cilia u Falzon, kieku t-tliet ħallelin kienu se jisirqu aktar minn Lm100,000 (€233,000).

Mhux magħruf x’se jkunu l-akkużi li se jinġiebu kontra George Xuereb meta jibda jinstema’ l-ġuri tiegħu bħal għada ġimagħtejn, iżda mhux qed ikun eskluż li fost l-akkużi se jiġi mixli li flimkien ma’ żewġ persuni oħrajn ipprova jisraq mill-fergħa tal-bank, liema attentat kien kwalifikat bil-vjolenza, li uża din il-vjolenza fil-konfront tal-eks Kuntistabbli Maurice Laferla waqt li kien fuq dmirijietu, li seraqlu l-arma tas-servizz tal-għamla Webley & Scott u li kkawża feriti fuq l-istess kuntistabbli. 

Akkużi oħrajn jistgħu jkunu wkoll li Xuereb żamm lil Joseph Sapiano, Paulette Psaila, Tanja Grixti, Eva Fenech u persuni oħrajn kontra l-volontà tagħhom u li heddidhom b’arma tan-nar. 

More in Qrati u Pulizija