Probation għat-tifla li gidbet

mill-Qorti

Mara ta’ 20 sena li ammettiet fil-Qorti li gidbet fuq missierha meta qalet li dan kien abbużah sesswalment, ingħatat probation għal tliet snin u ġiet ordnata tagħmel 100 siegħa servizz fil-komunità. 

Il-każ imur lura fl-2004, meta l-akkużata, Leanne Camilleri, kien għad kella tmien snin. Dak iż-żmien hija kienet qalet lill-Qorti li missierha kien abbużaha sesswalment. L-allegazzjonijiet baqgħu għaddejjin u f’Mejju 2012, missier l-akkużata, Emanuel Camilleri, intbagħat sentejn ħabs wara li nstab ħati li kien abbuża lil bintu. 

Madankollu, ftit wara s-sentenza, Leanne Camilleri qalet li l-allegazzjonijiet tagħha ma kinux vera, u li fil-fatt kienet gidbet fix-xhieda tagħha. Hija qalet li ommha kienet sfurzata tigdeb kontra missierha, xi ħaġa li qatt ma xtaqet tagħmel u li għamlitha sforz il-biża’, filwaqt li eżamijiet mediċi żvelaw li t-tifla kienet għadha verġni. Intant, 400 jum wara li ntbagħat il-ħabs, Emanuel Camilleri nħeles wara li l-Qorti Kostituzzjonali aċċettat it-talba tad-difiża.

Sussegwentament, il-każ ra lit-tifla tiġi akkużata bi spergur u li kienet gidbet li missierha kien abbużaha sesswalment u f’Lulju ta’ din is-sena, Leanne Camilleri ammettiet l-akkużi miġjuba kontrieha.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, qagħdet fuq dak li kienet irrakkomandat l-Uffiċjal tal-Probation, jiġifieri li Leanne tingħata sentenza ta’ tliet snin probation u tagħmel 100 siegħa f’servizz komunitarju, filwaqt li tibqa’ tingħata għajnuna psikoloġika sakemm jintemmu l-perjodu ta’ probation.

Intant, omm l-akkużata, Lisa May Camilleri, bħalissa għaddejja proċeduri kontrieha fejn hija kienet tpoġġiet taħt att ta’ akkuża wara li hi ċaħdet li għamlet ġurament falz u li instigat lil bintha biex tigdeb kontra missierha.

Għal Leanne Camilleri dehret l-Avukat Maxeline Pace, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sandro Micallef.

More in Qrati u Pulizija