Tarbija bi ksur f’rasha u f’saqajha
mill-Qorti
More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Tarbija li ddaħħlet l-isptar issofri minn ġrieħi gravi wara li kienet imwaddba fil-kott mis-sieħba ta’ omm it-tarbija, sofriet ksur fl-iskutella ta’ rasha u tbenġil, u kienet ilha erbat ijiem b’saqajha miksura.
Dan kien żvelat dil-ġimġħa matul il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra raġel ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ tarbija ta’ 11-il xahar.
It-tifla kienet fil-periklu tal-mewt però issa l-qagħda tagħha hi stabbli. Il-Qorti semgħet kif matul l-eżamijiet mediċi, it-tobba ndunaw li t-tarbija kienet ilha b’sieq miksura “għal tal-inqas erbat ijiem.”
L-inċident seħħ nhar it-12 ta’ Settembru meta t-tarbija ta’ 11-il xahar instabet li kienet qed issofri minn tbenġil kbir f’rasha u xi ksur antik.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Chris Pullicino qal li meta ġie interrogat għall-ewwel darba, l-akkużat, li ismu ma jistax jixxandar biex tipproteġi l-identità tal-vittma, kien weħħel fis-sieħba tiegħu, li tiġi omm it-tifla.
L-omm, li kienet ilha toħroġ mal-akkużat għal xahrejn qabel l-inċident, għaddejja proċeduri separati fejn hi mixlija b’abbandun ta’ wliedha, jiġifieri l-vittma u ż-żewġ ħutha, subien ta’ seba’ u erba’ snin.
Intant, l-Ispettur Pullicino qal li meta kienet ikkonfrontatha bl-allegazzjonijiet ta’ seħibha, l-omm ċaħdet u wriet filmat minn fuq il-mobile tagħha, li wera lis-sieħeb tagħha fis-sakra u li kien taħt l-effett tal-kokaina u l-ħaxixa.
Meta ġie muri l-filmat, iż-żagħżugħ Żabbari rtira l-allegazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-omm u ammetta li kien “heżżeż u gara lit-tarbija wara li din ma waqfitx tibki.”
Spjega li meta waslu d-dar kien qabdu l-ġuħ, intefa’ fuq is-sodda u bagħat lis-sieħba tiegħu biex tippreparalu xi ħaġa tal-ikel. It-tifla bdiet tolfoq. Mar jara x’għandha, refagħha mill-kott, heżżiżha u xeħitha bil-goff fil-kott. It-tarbija ħabtet rasha mal-kott u bdiet tibki, u hu niżel jiġri isfel ħdejn is-sieħba tiegħu.
Instema’ wkoll li għall-bidu l-akkużat ma riedx li l-omm iċċempel lill-ambulanza. Minkejja li ammettiet li s-sieħeb tagħha ġieli mmaltratta lil bintha, l-omm qalet li ma kinitx taf li t-tifla kienet sofriet xi ġrieħi.
L-Ispettur Edel Mary Camilleri qalet li meta marret l-isptar, it-tifla kienet kważi mhux konxja. Qalet li t-tifla kellha tbenġil fuq l-irkobba, saqajha l-leminija fil-ġibs u kellha wkoll “riħa ta’ qrusha u taħt id-dwiefer iswed.”
L-Ispettur qalet li “dan it-tip ta’ ksur ma kienx aċċidentali.”
Meta ġiet interrogatha dwar il-ġrieħi ta’ bintha, l-omm qalet li dakinhar, hi, seħibha u t-tlett itfal tagħha kienu rritornaw id-dar fil-5am wara li għamlu ġurnata l-festa.
L-Ispettur spjegat li wara li waslu ħut il-vittma, dawn tal-aħħar ukoll kellhom riħa tinten u d-dwiefer maħmuġin. Għaldaqstant, il-pulizija għamlu tfittxija fid-dar tal-omm u ġewwa sabu ħafna ħmieġ, fosthom ħrieqi użati u ħmieġ tal-annimali mal-art.