Ħa gost iwaddab awrina ffermentatha
mill-Qorti
More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Anzjan ta’ 77 sena residenti Tas-Sliema ngħata probation għal perjodu ta’ tliet snin wara li nstab ħati li nhar it-Tlieta filgħaxija waddab barmil mimli awrina mħallat bl-ilma fuq il-ġar tiegħu.
Giovanni Caruana nstab ħati li nhar it-Tlieta għall-ħabta tas-6.25pm kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti, li hedded lil ġar tiegħu, u li kiser il-bon ordni.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jason Francis Sultana, semgħet kif nhar it-Tlieta li għadda l-vittma, Noel Agius, kien qed idaħħal il-mutur tiegħu fil-garaxx fi Triq Graham, Tas-Sliema. Malli mar jiftaħ il-bieb tal-garaxx, il-vittma lemaħ beżqa mal-art.
Malli ħares ’il fuq, Agius ra sorpriża ta’ awrina mħallat bl-ilma nieżla għal fuq rasu. Il-Qorti semgħet kif inizzjalment, il-vittma ħaseb li kien ilma, però, l-akkużat innifsu kien stqarr mal-pulizija li fil-fatt it-taħlita kienet ta’ awrina u ilma.
L-imputat stqarr ukoll li t-taħlita kienet ilha tiffermenta għal ġimgħa fix-xemx fil-gallarija tiegħu.
Intant, Caruana qal li kien ħa pjaċir jaħsel lill-ġar tiegħu bl-awrina u meta kien mistoqsi għaliex kien qed iżomm l-awrina, huwa qal li “togħġbu r-riħa.”
Fix-xhieda tiegħu, l-vittma, Noel Agius qal lill-Qorti li l-problemi ilhom hemm għal madwar 15-il sena wara li l-akkużat kien xtara xi propjetà mingħandhom.
“Minn dakinhar ’l hawn, sibna ħafna brix fuq il-karozzi tagħna. Wara li ċċekjajna l-kameras, sibna li l-brix kien qed jagħmilhom hu (l-akkużat). Darb’oħra prova jsuq fil-karozza tal-mara,” il-vittma stqarr.
Bħalissa, Agius u Caruana għaddejjin kawża fejn l-anzjan ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ċaħad li barax il-karozzi ta’ Agius.
L-Avukat Gianluca Caruana Curran, li deher għal Agius, talab lill-Qorti biex Caruana jintbagħat il-ħabs talli kien qed ikun “ta fastidju kontinwu.”
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli sabet lil Caruana ħati wkoll li fl-istess ħin kiser il-paċi pubblika, li weġġa’ u hedded lil Agius u li xeħet ħmieġ lejn persuna.