Taqlib fil-Korp tal-Pulizija mal-Kummissarju l-ġdid

Jirritornaw l-iskwadri tal-SAG u dik mobbli 

“Ħafna se jkunu dawk li se jimlew il-formola biex ikunu trasferiti”
“Ħafna se jkunu dawk li se jimlew il-formola biex ikunu trasferiti”

Fl-1 ta’ Lulju 2013 il-Korp tal-Pulizija introduċa l-iskwadra ġdida tar-Rapid Intervention Unit (RIU) meta għaqqad flimkien l-iskwadri tal-SAG u dik mobbli. Issa minn Ta’ Kandja, fejn hemm il-kwartieri tal-RIU, qed jiġru xnigħat li l-amministrazzjoni preżenti qed tippjana li l-RIU tiġi żarmata u jerġgħu jiġu fis-seħħ l-iskwadri tal-SAG u dik mobbli.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil ILLUM li l-Aġent Kummissarju Raymond Zammit ma kienx tal-istess opinjoni mal-Kummissarju ta’ qablu, Peter Paul Zammit, u kellu opinjoni differenti meta nħolqot l-RIU. Jista’ jkun li minħabba li Raymond Zammit kien għal xi żmien jagħmel parti sew mill-SAG u kien jaf sew kif kellha tiffunzjona, irid li din terġa’ tingħata r-ruħ. 

Meta ttieħdet minn taħt idejn Raymond Zammit, l-SAG kienet ħadet xejra oħra b’ħafna mill-membri tagħha kienu inattivi għal żmien twil tant li wħud minnhom kienu jidhru li ma kellhomx il-fiżiku ta’ skwadra speċjalizzata.

Il-Ministeru tal-Intern ċaħad kollox

Is-sorsi komplew jgħidulna li l-iskwadra tal-RIU kif inhi bħalissa fiha madwar 150 membru u li dawn huma kollha armati u mħarrġin fosthom anke fis-sigurtà ta’ persuni importanti li jżuru pajjiżna. Għaldaqstant hemm min huwa tal-fehma li skwadra kbira bħal din tista’ ssib problemi kif taħdem f’ċerti sitwazzjonijiet minkejja t-taħriġ li jingħataw. 

Meta nħolqot l-iskwadra tal-RIU, l-għan ewlieni tagħha kien li meta dawn jiġu msejħin fuq xi każ jaslu fuq il-post fl-inqas ħin possibbli.

B’hekk jekk l-SAG terġa’ tingħaqad, in-numru jkun iżgħar u l-iskwadra tkun aktar konċentrata. F’pajjiżi ħafna ikbar minn Malta li għandhom skwadri speċjalizzati dawn huma ta’ bejn 80 u 90 persuna.

Iżda, fl-istess ħin sorsi oħrajn qrib il-Ministeru tal-Intern ċaħdu li l-RIU se tiżżarma. Dawn is-sorsi qalulna li bħalissa qed ikun studjat xift ġdid wara li ħafna mill-membri tal-RIU ilmentaw mill-ħinijiet b’mod speċjali dak li jibda fl-4am fejn il-Pulizija qed ikollhom iqumu fit-3am biex jippreparaw biex jirrapportaw għax-xogħol.

Nifhmu li x-xift il-ġdid se jkun fuq bażi ta’ Day-Night-Rest-Off u jaħdmu 13-il siegħa kull xift. Minn dawn it-13-il siegħa, sitt sigħat minnhom ikun taħriġ. B’hekk meta kważi nofs l-iskwadra tkun qed titħarreġ, in-nofs l-ieħor ikun fuq ronda. Għalkemm kien hemm uħud li lmentaw mix-xift kif inhu issa, oħrajn diġà nstemgħu jgħidu li jekk jinbidel ix-xift se jimlew dik li tissejjaħ subject form biex jagħmlu talba biex ikunu trasferiti.

Meta staqsejna lis-sorsi tagħna jekk b’dawn l-arranġamenti hemmx biżżejjed Pulizija, qalulna li minħabba impenji oħrajn fosthom għassa li jagħmlu ma’ ambaxxati u oħrajn li għandhom xogħol fuq ġewwa, l-iskwadra tal-RIU jkollha l-ħtieġa li tikber. 

Sadanittant is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li bħalissa l-RIU għandha ħtieġa mhux biss ta’ aktar riżorsi umani, imma anke vetturi. Dan peress li bħalissa numru ta’ vetturi Ford ta’ din l-iskwadra jinsabu weqfin kemm minħabba ħsarat jew għax għandhom diversi daqqiet.

More in Qrati u Pulizija