Ilbieraħ, waqt il-parata tal-pulizija l-ġodda, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia qal li fis-sena u nofs li ilu ministru attenda għal diversi Passing Out Parades ta’ membri fil-Korpi Dixxiplinati. Dan juri kemm l-investiment fir-riżorsi umani kien wieħed kontinwu. Dan l-investiment hu neċessarju għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-pajjiż.
Il-pulizija l-ġodda attendew għall-kors ta’ taħriġ intensiv ta’ sitt xhur fl-Akkademja tal-Pulizija, li żanżnu huma għall-ewwel darba. Il-Ministru qal li bħalissa qed isir xogħol u studju biex isiru bidliet neċessarji biex l-Akkademja ssir kulleġġ tal-Pulizija b’għalliema full-timers u b’korsijiet bi kwalifiki li jkunu ekwivalenti għall-istituzzjonijiet edukattivi oħra f’pajjiżna.
Il-Ministru Manuel Mallia ħabbar li t-taħriġ li jsir kontinwament matul il-karriera tal-pulizija reġa’ qed isir wara li ġie sospiż biex jiġi aġġornat.
Il-Ministru tenna wkoll li permezz tal-laqgħat, dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet, mar-residenti ta’ lokalitajiet differenti, fehem l-inkwiet leġittimu tan-nies. Saħaq dwar l-importanza tal-Pulizija tal-Komunità, fejn il-pulizija jkun fit-triq b’kuntatt dirett man-nies u b’hekk tinbena relazzjoni ta’ fiduċja.
Temm jgħid li minħabba f’hekk ittieħdet id-deċiżjoni li l-pulizija l-ġodda kollha jkunu assenjati f’distretti, b’attenzjoni u enfasi partikolari fil-lokalitajiet imsemmija qabel, fejn se jiżdiedu 26 pulizija ġdid.