“Ħatfuni, heddewni li ħa joqtluni u stuprawni”
mill-Qorti
More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Żagħżugħa Taljana li allegatament ġiet stuprata minn żewġ Somali f’Ħal Far fl-2013, qalet lill-Qorti l-esperjenza tagħha, fejn fost oħrajn xehdet li ż-żewġt irġiel pruvaw jifgawha u hedduha li se joqtluha qabel ma stuprawha.
Ix-xhieda nstemgħet matul il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Abdiraman Abukar u Liban Mohamed – żewġ Somali li qed jiġu akkużati li fil-25 ta’ Marzu 2013 stupraw it-tfajla.
Fix-xhieda tagħha, ż-żagħżugħa - li isimha ma jistax jixxandar minħabba ordni tal-qorti – qalet li dakinhar spiċċat xogħol għall-ħabta tal-11pm u qalet li marret dawra bil-karozza ma’ ħuha, t-tfajla tiegħu, u xi ħabib.
Il-vittma qalet li wara li marru jieħdu drink Paceville, ħuha wassalha sa ħdejn il-venda tal-Furjana.
“Kienu xit-3am, malli kont se naqsam it-triq, rajt karozza ġejja. Waqfet, u raġel ħareġ u tefagħni fil-karozza. Ċempilt lil ħija fuq il-mowbajl, għidtlu li kont qiegħda f’karozza ma’ erbat irġiel, iżda ma bediex jifhem x’inhu jiġri,” qalet.
Hija spjegat li għall-bidu kien hemm erbat irġiel fil-karozza però wieħed waqaf il-Waterfront tal-Belt.
Il-vittma tenniet li wara li waslu lil seħibhom il-Belt, l-imputati – li wieħed minnhom jinsab f’ siġġu tar-roti llum il-ġurnata – saqu lejn il-Marsa u eventwalment lejn Ħal Far.
“Meta waqafna ħdejn id-dwal tat-traffiku, wieħed mill-akkużati qabadli għonqi u qalli li se mmut. Bdejt nitlob bit-tama li xi ħadd jarahom, però kompla jagħfasli għonqi u ħassni ħażin għax ma stajtx nieħu nifs.”
Kompliet tgħid li huma ħaduha Ħal Far u li kien hemm dlam ċappa. Xehdet li wieħed mill-imputati neħħielha l-qalziet, u mbagħad neża l-qalziet tiegħu u stupraha. Spjegat kif l-imputat l-ieħor ħareġ barra, filwaqt li t-tielet raġel li kien magħhom, m’għamel xejn.
“Wara li stuprani, ħareġ mil-karozza u mar jieħu sigarett, u ftit wara stuprani l-ieħor,” il-vittma qalet.
Iż-żagħżugħa Taljana qalet li ftit wara tefgħuha ’l barra mill-karozza u ħarbet tiġri. Mistoqsija jekk hux qed tagħraf l-imputati bħala l-aggressuri tagħha, il-vittma qalet li kienet “mija fil-mija” li kienu huma.
L-Ispetturi Yvonne Farrugia u Carol Fabri qed imexxu l-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Yana Micallef Stafrace dehret għad-difiża bħala għajnuna legali.