Hedded li joqtol lill-Maġistrat u jaqla’ għajn pulizija
mill-Qorti
More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Pasqualino Cefai hedded lill-Maġistrat Miriam Hayman li joqtolha u lill-Ispettur Johann Fenech li joqtol lilu u lill-familja tiegħu, Surġent qal lill-Qorti,
Dan ħareġ mix-xhieda tas-Surġent Duncan Demicoli meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Cefai, ta’ 39 sena miż-Żebbuġ, Għawdex, li jinsab mixli li l-Ħamis li għadda hedded lill-Maġistrata Hayman u lill-Uffiċjal tal-Pulizija.
L-allegat inċident seħħ meta Pasqualino Cefai, li aktar kmieni din is-sena kien ikkundannat seba’ snin ħabs weġġa serjament lil raġel ieħor fl-2011, kien għaddej proċeduri oħrajn quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, b’Cefai kontinwament miżmum immanettjat, is-Surġent Demicoli xehed li dakinhar għal xil-11.3am, id-deputata tal-Maġistrat Miriam Hayman qaltlu biex imur malajr f’Awla 7 għax kien hemm xi kommossjoni.
“Rajt lil Cefai mdawwar b’bosta pulizija. Kien f’dagħdigħa ta’ rabja u beda jidgħi u jsabbat. Meta niżilnih fil-lock-up, kisser mera u beda jħabbat rasu ma’ locker.”
“Wara dan is-sitwazzjoni kkalmat. Meta mort inkellem lil Maġistrat Miriam Hayman sabiex niġbor l-evidenza, hija qaltli li Cefai qalilha li kien se joqtolha u mbagħad dar ukoll fuq l-Ispettur Fenech u qallu li kien se joqtol lilu u lil familtu,” is-Surġent tenna.
Fix-xhieda tiegħu, il-Kuntistabbli Ryan Borg Ungaro qal li l-inċident seħħ wara li Cefai kien qiegħed fil-Qorti u qal lil Maġistrat li l-avukat tiegħu kien għadu ma wasalx. Hekk kif intalab biex joħroġ barra, Cefai allegatement qam minn fuq l-iżbarra u sabitu ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti.
Il-kuntistabbli spjega kif wara li ġie mwissi, Cefai beda jgħajjat u qal lil Maġistrat li kienet se tħallas għax kienet qed teħodlu l-flus minn ħalq uliedu. Hu pprova wkoll iħebb għaliha u rreżista l-arrest.
Spjega kif eventwalment huwa rnexxielu jimmanettjalhu idejh il-leminija u wara kommossjoni sħiħa, il-pulizija rnexxielhom joħorġu lil Cefai ’l barra.
Il-Kuntistabbli Borg Ungaro qal ukoll li fil-lock-up, qallu biex ineħħilu l-manetti u hu hekk għamel, bil-Kuntistabbli jgħid li Cefai qallu li jekk jerġa’ jimmanettjah kien se jaqlagħlu għajnejh.
Cefai għadu qed jinżamm taħt kustodja u qed jiġi mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li weġġa’ ħafif Uffiċjal tal-Pulizija u li sar reċidiv.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg, filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Noel Bianco qed jidhru għal Pasqualino Cefai. Il-każ mistenni jkompli fl-aħħar ta’ Ottubru.