Kull min imur il-Furjana jaf li hija kważi impossibli biex issib tipparkja l-karozza f’xi triq f’dan il-lokal. Kultant anke r-residenti jsibu problema. Immaġina li tmur għax-xogħol biex taqla’ l-paga u jkollok tħallas biex tipparkja l-karozza li ta’ kuljum hija spiża.
Il-Pulizija li jaħdmu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jiffaċċjaw din il-problema ta’ kuljum. Anke jekk b’xorti tajba jsibu xi post, ma jistgħux iħallu l-karozza hemm il-ħin kollu li jdumu xogħol għax l-ispazji fejn jipparkjaw huma regolati bil-ħin u wara sagħtejn u nofs iridu jmorru jneħħu l-karozza jew jirriskjaw li jsibu ċitazzjoni mill-Gwardjani Lokali.
Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qalu lil illum.com.mt li hemm membri tal-Korp li minkejja huma stazzjonati fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ħafna mill-ħin ma jkunux id-Depot, imma barra fuq xogħol u għalhekk ma jkunux jistgħu jneħħu l-karozza qabel jiskadi l-ħin minn mindu jkunu pparkjaw. Fosthom dawn hemm dawk mit-taqsimiet fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali li ħafna mill-ħin ikunu xogħol barra mill-Kwartieri Ġenerali.
“Aħna ħaddiema daqs kull ħaddiem ieħor. Ma nistgħux niġu għax-xogħol u jkollna nħallsu biex nipparkjaw, jekk insibu nipparkjaw il-karozza personali tagħna,” qalilna wieħed mis-sorsi tagħna.
L-istess sorsi qalulna li jixtiequ jappellaw biex il-Korp tal-Pulizija jasal fi ftehim mal-awtoritajiet konċernati biex tinstab xi tip ta’ soluzzjoni.