Il-pulizija tal-RIU b'xift ta' 13-il siegħa u ma jistgħux idumu fit-toilet
Il-pulizija fl-ebda ħin ma jistgħu jieqfu f’xi ħanut jieklu jew jixorbu
minn John Pisani
Fil-jiem li għaddew il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit (RIU) bdew jaħdmu xift ġdid ta’ 13-il siegħa, iżda tul ix-xift kollu jidher li ma jistgħu jieqfu mkien għal xi ħin. Dan imur kontra l-liġi skont kif qalilna Josef Bugeja, is-Segretarjru Ġenerali Designate tal-General Workers Union.
Kienet xi ħaġa normali li l-Pulizija, tista’ tgħid f’kull taqsima, f’xi ħin jew ieħor meta jkunu barra fuq xogħol, jieqfu għal ħin qasir jieħdu xi kafé jew jieklu xi ħaġa minn xi ħanut. Dan għaliex mhux possibbli li jmorru fil-canteen tad-Depot fil-Furjana biex jieħdu xi ħaġa minn hemm. Iżda din issa spiċċat speċjalment għall-Pulizija fl-Iskwadra tal-RIU.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil ILLUM li biex il-Pulizija tal-RIU jkunu l-ħin kollu jduru t-toroq, ingħataw ordni, anke bħala miżura ta’ dixxiplina, li fl-ebda ħin ma jistgħu jieqfu f’xi ħanut tax-xorb, każin jew fi kwalunkwe post ieħor ta’ negozju biex jieħdu kafé, jixorbu xi ħaġa jew jieklu xi biċċa ħobż. L-ordni hi biex jieħdu magħhom kemm x’jixorbu u x’jieklu billi jġibuh mid-dar jew jinxtara qabel jibdew ix-xogħol.
Barra minn hekk meta jieqfu biex jieklu u jixorbu fil-karozza tas-servizz u ħdejn il-karozza, dan irid isir f’post fejn ma jagħtux fil-għajn speċjalment f’xi pjazza jew post minn fejn jgħaddi ħafna l-pubbliku.
“Ma jistgħux idumu fit-toilet”
Dan il-gazzetta tkellmet ma’ Josef Bugeja bħala r-rappreżentant tal-GWU liema unjin qed taspira li tkun qed tirrappreżenta lill-membri tal-Korp tal-Pulizija meta l-liġi tgħaddi mill-Parlament biex il-forzi tal-ordni jkollhom id-dritt ta’ sħubija fi trejd unjin tal-għażla tagħhom.
“Kull ħaddiem huwa intitolat bil-liġi għal brejk wara sitt sigħat xogħol,” qalilna Josef Bugeja. Meta staqsejnieh jekk din il-liġi tgħoddx ukoll għall-membri tal-forzi tal-ordni, bħalma huma l-Pulizija, Bugeja kien saħaq li “l-Pulizija huma ħaddiema bħal kull ħaddiem ieħor u għalhekk il-liġi hija ċara – wara sitt sigħat kontinwi, iridu jieqfu għal kollox minn dak li jkunu qegħdin jagħmlu u jmorru għal waqfa.”
Is-Segretarjru Ġenerali Designate tal-GWU kompla jispjegalna li min-naħa l-oħra wieħed irid jifhem ukoll li jekk għandek sitwazzjoni ta’ emerġenza allura f’dak il-każ din tingħata prijorità. Huwa qalilna li huwa jinsab persważ li anke l-Pulizija, s-suldati u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili jifhmu li jekk qegħdin fuq biċċa xogħol ta’ emerġenza se jkomplu bil-ħidma tagħhom mhux biss wara sitt sigħat imma anke ħafna aktar għax jafu li dak huwa parti mid-dover u r-responsabilità tagħhom. Imma, qalilna Josef Bugeja, jekk tul ix-xift ma jkun hemm xejn ta’ emerġenza, “iva dawn huma intitolati bil-liġi li jieħdu l-brejk tagħhom.”
Huwa spjegalna li anke min jaħdem wara skrivanija, wara sitt sigħat irid jitlaq minn wara dik l-iskrivanija u jmur f’post ieħor. Josef Bugeja temm jgħidilna li meta l-GWU tingħata l-għarfien li se tkun qed tirrappreżenta lill-Pulizija, se tkun qed tisħaq li din il-liġi tiġi osservata.
L-istess sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija komplew jgħidulna li jekk il-Pulizija tal-RIU jkollhom bżonn jaqdu l-ħtiġijiet personali tagħhom, iridu jmorru l-eqreb Għassa tal-Pulizija u jużaw it-toilets hemmhekk u ma jistgħux idumu tul ta’ ħin.
Tlabna r-reazzjoni mill-Ministeru tal-Intern, li huwa responsabbli mill-Pulizija dwar dan u r-risposta li ngħatajna hija li “Il-Kummissarju ta direttiva biex dawk il-membri li jkunu duty ma jistgħux jidħlu fi ħwienet tax-xorb u dan skont kif tgħid l-ordinanza fuq dixxiplina. Mhu veru xejn li membri tal-RIU se jagħmlu 12-il siegħa jduru bil-vettura, anzi ngħatat ordni biex dawn jaħdmu sitt sighat patrol u sitt sigħat l-oħra duty/taħriġ. Barra minn hekk, meta jkunu fuq patrol, membri tal-RIU jistgħu jġorru magħhom xi affarijiet tal-ikel/xorb fejn jistgħu jieqfu f’postijiet għal ftit ħin f’għassa u jieħdu l-ikel hemmhekk,” temmet tgħidilna l-kelliema għall-Ministeru.
(bi żvista dan l-artiklu ma dehrx kollu fil-ħarġa tal-ġurnal ILLUM u għalhekk qed jidher kollu hawnhekk)