Iħebb għar-referi
mill-Qorti
More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Raġel ta’ 44 sena mill-Gżira ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin, u li għal sena sħiħa ma jersaqx lejn grawnd tal-futbol, wara li ammetta li aggredixxa referi waqt partita tal-minors bejn Gżira u Kirkop.
Emanuel Ciantar – li huwa uffiċjal tal-Gżira United FC - ammetta wkoll li hedded u li kkważa ġrieħi ħfief fuq ir-referi Etienne Mangion, li kiser il-paċi pubblika, u li uża kliem abbużiv fil-konfront tar-referi.
Il-partita ntlagħbet fil-grawnd tal-Mosta nhar it-Tnejn li għadda, bl-inċident iseħħ għall-ħabta tad-9pm.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li l-attakk seħħ wara li r-referi keċċa żewġ plejers tal-Gżira. Intant, fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tar-Referis Maltin qalet li l-attakk seħħ fuq ir-referi fid-dressing room, u li l-imputat kellu jiġi mwaqqaf miż-żewġ assistenti tar-referi.
Huwa mifhum li wara l-attakk, ir-referi għamel rapport lil pulizija filwaqt li uffiċjal mediku ċċertifikah li sofra uġigħ f’dahru u grif f’wiċċu.
Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Miriam Hayman, sabet lil Ciantar ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin, u li għal sena sħiħa ma jersqax lejn l-ebda grawnd tal-futbol jew ikellem lir-referi Etienne Mangion.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nicholas Vella, filwaqt li l-Avukat Chris Cilia deher għal akkużat.