Għalliem taż-żfin minn Raħal Ġdid inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Giovanni Grixti li bejn Mejju u Ġunju li għadda kkorrompa studenta ta’ 13-il sena.
Warren Muscat, ta’ 30 sena minn Raħal Ġdid, li s-sengħa tiegħu hija dik ta’ mekkanik iżda huwa żeffien u li filgħaxija jagħti l-lezzjonijiet, ġie mixli wkoll li pparteċipa f’attivatijiet sesswali mal-istudenta tiegħu, u li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur tagħha - liema reati huma ta’ natura aktar serja minħabba li l-istess tifla kienet fdata lilu sabiex jieħu ħsiebha, jgħallimha u jindukraha.
Muscat wieġeb mhux ħati għall-akkużi.
Sorsi qalu li allegatament kien waqt il-lezzjonijiet taż-żfin, kien hemm għaddej xi tip ta’ tinbix bejn l-imputat u t-tifla. Huwa mifhum ukoll li fuq il-mowbajl tal-akkużat instabu diversi messaġġi lil u minn studenti tiegħu taħt l-età.
B’hekk, il-Maġistrat Giovanni Grixti ordna li jkun ikkonfiskat il-mowbajl ta’ Muscat biex ikun stabbilit jekk hemmx xi messaġġi li jistgħu jinkriminawh.
L-Avukat Mario Spiteri deher għall-akkużat, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sylvana Briffa u Josric Mifsud.