Dalgħodu xehed Nicholas Zahra li hu ħu l-vittma Lisa Marie li fix-xhieda tiegħu qal li kien jaf li oħtu kellha xi ġrieħi li ġew ikkawżati fuqha nnifisha u li kien kellimha dwarhom.
Qal li lejliet li seħħ il-każ hu kien iltaqa' ma' Mark Ciangura li jaħdem bħala lavrant fid-dar ta' missieru fejn dan infurmah li kien ra karozza pparkjata fid-dar matul dak il-lejl, meta missier Zahra kien Dubai.
Zahra qal li kien talab lil Ciangura biex jitkixxfu ħa jaraw x'kien qiegħed jiġri fejn mill-kameras tas-sigurtà ndunaw min kien daħal id-dar. Żied jgħid li kien bagħat email lil missieru biex ma jinkwetahx iżda dan aktar tard ċempillu u infurmah li kien ġej lura Malta.
Zahra kompla jgħid li hu u l-handyman t ta’ missieru ftehmu li jagħmlu rapport l-għassa dwar il-fatt li kien hemm persuna li raqdet fid-dar ta' missieru. Qal li għal xil-5pm mar id-dar ta' missieru ma’ kuġintu Tania Mercieca fejn sab lil oħtu Lisa Marie aġitata. Kien hawn li biex ma jħalluhiex waħedha talabha biex dakinhar tmur torqod id-dar tiegħu iżda hi rrifjutat.
Zahra qal li l-għada filgħodu mar id-dar ta' missieru kmieni fejn sab is-seftura li infurmatu li oħtu ma kinitx f’kamritha u b’hekk beda jfittixha fil-ġnien iżda ma sabiex u baqa' sejjer l-għassa jagħmel rapport ta' persuna mitlufa.
Żied jgħid li ppruvaw iċemplu kemm-il darba fuq it-telefon ċellulari tagħha imma s-sinjal kien li ma kinitx f'pożizzjoni li tirrispondi. Zahra qal li kienu għall-ħabta tal-10am li waslu l-Pulizija li infurmawh b'dak li ġara.
Fi tmiem ix-xhieda l-Maġistrat Audrey Demicoli aġġornat dan il-każ għat-18 ta’ Novembru.