Sena ħabs minħabba Facebook

mill-Qorti

Jason Scerri, ta’ 40 sena, minn Ħal Balzan ġie kkundannat għal 12-il xahar ħabs wara li ammetta li kkommetta serq ta’ flus u deheb minn villa f’Santa Maria Estate fil-Mellieħa.

L-akkużat, li hu magħruf sew mal-Pulizija, tressaq il-Qorti wara li dehru ritratti tiegħu waqt li allegatament kien qed jipprova jisraq minn ġod-dar. Il-ritratti ġew ippubblikati fuq Facebook u ftit sigħat wara, ir-raġel kien arrestat f’Birkirkara. 

Sorsi qalu li l-Pulizija identifikaw l-akkużat permezz ta’ tpinġija li għandu fuq idu. Ġie spjegat ukoll li r-ritratti ġew meħuda permezz ta’ sistema tal-kameras li tiġbed ritratti minn angoli differenti meta tħoss xi tip ta’ moviment fil-viċinanzi.

Fil-Qorti, Scerri, li għandu problema tad-droga, ammetta li seraq flus u deheb b’valur ta’ €2,060. 

Id-difiża, permezz tal-avukat tal-għajnuna legali Yana Micallef Stafrace, qalet li l-akkużat qed jipprova jieqaf mill-vizzju tad-droga. Minkejja dan, il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li l-akkużat huwa reċediv u li huwa magħruf sew mal-Pulizija, u għalhekk bagħtu 12-il xahar ħabs.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Maurice Curmi. 

More in Qrati u Pulizija