Hedded li joqtol spettur u maġistrat
mill-Qorti
More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Għawdxi hedded li joqtol spettur u lil familtu, u maġistrat f’dagħdigħa ta’ rabja f’Ottubru. L-akkużat, aktar kmieni din is-sena ġie kkundannat għal seba’ snin ħabs wara li kien ta daqqiet ta’ sikkina f’awla tal-Qorti.
Dan ħareġ fil-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Pasqualino Cefai ta’ 39 sena, miż-Żebbuġ, Għawdex, fejn jinsab mixli li l-Ħamis 2 ta’ Ottubru hedded u attakka lil Maġistrat Miriam Hayman u bosta pulizija.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Johann Pace qal li f’mument minnhom, Cefai qabżitlu u beda jgħajjat waqt li kien għaddej każ ieħor kontrieh.
L-Ispettur spjega li minkejja li l-avukat ta’ Cefai ma kienx għadu wasal, is-seduta bdiet xorta. Huwa spjega li minħabba f’hekk, Cefai qabżitlu u beda jidgħi, joffendi u jattakka lill-pulizija.
“F’ħin minnhom resaq lejn il-bank tal-maġistrat u beda jgħajjat u jidgħi. Kien isteriku, hedded lill-Maġistrat u daħlu spetturi oħra u bilkemm setgħu jżommuh.”
“Heddidni li jsibni u joqtol lili u lil familti. Qalli li għalkemm qiegħed fil-ħabs, għandu ħutu barra u li jsibuni,” qal l-Ispettur.
Intant, l-Ispettur Kevin Pulis qal li malli daħal fl-awla huwa ra żewġ spetturi jippruvaw jikkalmaw lil Cefai. Pulis qal li Cefai kien qed jaġixxi b’mod aggressiv, beda jidgħi u jgħid lill-Ispettur Fenech li ħa jpattiha lilu u lil Maġistrat Hayman.
L-Ispettur qal ukoll li sitt pulizija ma kinux biżżejjed biex iżommu lil Cefai lura, u li meta niżżluh fil-lock-up, Cefai reġa’ kien aggressiv u ta daqqa ta’ manetta lil wieħed mill-pulizija li kien hemm preżenti.
“Meta niżżilnieh isfel reġa’ għajjat lill-Maġistrat Hayman u lill-Ispettur Fenech, u qal li ħa jieħu ħsieb kollox ħuh. Qal li ħadd ma huwa akbar minn Alla u li ma jkunx diffiċli biex isib lill-Maġistrat u lill-Ispettur għax Malta żgħira.”
L-Avukati Edward Gatt u Noel Bianco dehru għal akkużat, filwaqt li l-Ispettur Daryl Borg mexxa l-prosekuzzjoni.