Louis Attard akkużat bħall-oħrajn

Il-pulizija toħroġ stqarrija fuq dak li deher fuq il-mezzi tax-xandir

B’referenza għal aħbar li qed tixxandar fuq il-mezzi tax-xandir dwar l-akkużi maħruġa kontra ħaddiem tal-Enemalta rigward serq tal-elettriku, il-Pulizija tixtieq tikkjarifika li Louis Attard ġie akkużat b’akkużi identiċi ghal dawk ta’ persuni oħra li kisru l-istess disposizzjoni tal-liġi, f’ċirkustanzi simili.

Madankollu, ta’ min jgħid li l-akkużi li bihom il-Pulizija jressqu quddiem il-Qorti, iridu jkunu bbażati fuq il-liġi u skont l-evidenza li tkun instabet waqt l-investigazzjoni tal-każ.

Sadattant fuq il-mezzi tax-xandir aktar kmieni ħarġet aħbar li Ħaddiem tal-Enemalta, li allegatament seraq mijiet ta’ ewro f’elettriku, mhux se jkun qed jiffaċja l-istess akkużi bħall-ħaddiema l-oħrajn li wettqu reati simili fl-aħħar snin.

Skont il-Maltarightnow, Louis Attard, li hu Uffiċjal “viċin ħafna” tal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi, tressaq il-ġimgħa li għaddiet akkużat fost l-oħrajn b’serq ta’ €2,329 f’dawl mid-dar tiegħu fil-Mosta. Madankollu, fl-akkużi l-Prosekuzzjoni ma nkludietx il-fatt li wettaq dan ir-reat fil-kariga tiegħu ta’ Uffiċjal Pubbliku.

Fl-istess waqt il-Partit Laburista ħareġ stqarrija aktar tard fejn ħarġu l-kuntratt tax-xogħol ta' Louis Attard li jaħdem bħala uffiċċjal mal-EneMalta u ġie miċħud li dan kien wieħed viċin il-Ministru Konrad Mizzi.

More in Qrati u Pulizija