Omm akkużata b'rapport falz fuq abbużi sesswali

Omm ta’ 46 sena mill-Mosta għamlet rapport falz lill-Pulizija li missier bintha kien abbuża sesswalment mit-tifla tagħhom ta’ tliet snin.

Rita Borg, ta’ 46 sena mill-Mosta ġiet akkużata li għamlet rapport falz lill-Pulizija li missier bintha abbuża sesswalment mit-tifla tagħhom ta’ tliet snin. Borg akkużat lil William Micallef bl-abbuż fuq it-tifla fejn qalet li missha f’partijiet privati.

Wara dan ir-rapport, il-Qorti kkummissjonat espert mediku biex jivverifika r-rapport fejn deher li l-akkużi li saru minn Borg kienu foloz minħabba li ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tifla. Minħabba f’hekk, l-akkużi nfetħu fuq Borg minħabba r-rapporti foloz.

Min-naħa tiegħu, is-Surġent tal-Pulizija Kevin Buhagiar xehed li tkellem mat-tifla li qaltlu li qatt ma kellha problemi ma’ missierha u qatt ma weġġagħha jew taha fastidju.

L-avukat Daniela Mangion deheret għall-akkużata filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Martin Fenech kienu parte civile.

Il-każ ser ikompli fid-29 ta’ Jannar.

More in Qrati u Pulizija