
Stupra tfajla f’tank tal-ilma
Ma nstabx ħati li stupra tfajla ta’ 17-il sena ġo tank tal-ilma li kellu f’għalqa seba’ snin ilu

More in Qrati u Pulizija
Ma nstabx ħati li stupra tfajla ta’ 17-il sena ġo tank tal-ilma li kellu f’għalqa seba’ snin ilu
Raġel ta’ 49 sena mill-Kalkara ma nstabx ħati li stupra tfajla ta’ 17-il sena ġo tank tal-ilma li kellu f’għalqa seba’ snin ilu, wara li l-Qorti qalet li x-xhieda tal-allegat vittma kienet inkonsistenti u mhux kreddibli.
Paul Vassallo kien mixli wkoll li nhar l-24 Settembru 2007 huwa stupra lit-tfajla, kkorrompieha, żammha kontra l-volontà tagħha, u li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur tagħha.
It-tfajla qalet lill-Qorti li dakinhar, l-akkużat, mar għaliha d-dar sabiex imorru jnaddfu tank tal-ilma f’għalqa f’Ħ’Attard. Hemmhekk, it-tfajla qalet li xorbu ftit inbid, u ftit wara l-akkużat prova jbusha imma hi ma riditx.
Hija qalet li sussegwentament, hija maret taħsel it-tank u f’ħin minnhom, l-akkużat daħal bil-qalziet ta’ taħt ħdejha, beda jmissha u neħħielha l-flokk. It-tfajla sostniet li hi ma riditx ikollha x’taqsam mal-akkużat, iżda dan injoraha u stupraha.
Il-Qorti semgħet ukoll li l-akkużat imbagħad ħareġ minn ġot-tank filwaqt li t-tfajla marret tieħu sigarett miegħu u kompliet tnaddaf. Qalet ukoll li l-akkużat saqsiha għas-sess darbtejn oħra, iżda hi rrifjutat kull darba.
Intant, Vassallo ammetta li staqsa lit-tfajla għas-sess iżda tenna li wara li rrifjutat, talabha tagħmel atti sesswali fuqu u din aċċettat. Huwa qal li t-tfajla ttantatu u sema’ kif meta mar għaliha, hi kienet liebsa flokk skullat “kważi sidirha barra” u bdiet tirrakkontalu l-esperjenzi sesswali tagħha ma’ ħaddieħor. Qal ukoll li ma kienx jaf li t-tfajla kellha 17-il sena.
Il-Qorti, permezz tal-Maġistrat Audrey Demicoli, qalet li meta tiżen kollox, ix-xhieda tat-tfajla ma kinitx waħda konsistenti u konfliġenti, u li l-verżjoni tal-akkużat kienet aktar kredibbli. Il-Maġistrat qalet ukoll kif ma tistax tifhem kif tfajla li allegatement ġiet stupratha talbet lill-akkużat biex iwassalha d-dar u li kompliet taħdem.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, l-Qorti ma sabet lil Vassallo ħati tal-ebda akkuża u lliberatu minnhom.
L-Ispetturi Raymond Aquilina u Ramon Mercieca mexxew il-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukati Gianella de Marco u Stephen Tonna Lowell dehru għall-akkużat.