Gwardjani jisirqu mill-karozzi

Żewġ gwardjani f’San Ġiljan ammettew li serqu minn karozzi pparkjati

Żewġ gwardjani fil-parkeġġ ta’ lukanda f’San Ġiljan ingħataw probation wara li ammettew li serqu minn karozzi li kienu pparkjati fl-Intercontinental Hotel.

L-irġiel, Peter Magro ta’ 50 sena min-Naxxar u Mikael Cardona ta’ 29 sena minn Marsaxlokk, ġew ordnati wkoll li jagħmlu mitt siegħa kull wieħed xogħol fil-komunità.

Huwa ammettew li serqu minn tliet karozzi li kienu pparkjati fl-Intercontinental Hotel f’San Ġiljan, u li għamlu ħsara fil-karozza, filwaqt li Cardona waħdu kien akkużat li sar reċediv u li kiser xi sentenzi tal-Qorti.

Il-Qorti semgħet kif bejn it-2 u 3 ta’ Novembru tal-2013 serqu GPS minn vettura b’dannu għal Roy Arthur John Hackfield. Bejn il-21 u 22 Diċembru 2013 serqu GPS, camera, kompjuter u oġġetti oħra minn vettura b’dannu għal Davinio Gonzalez Diogracia u Lorraine Dunnett Borg, u li bejn is-17 u t-18 ta’ Mejju li għadda serqu wkoll GPS minn vettura b’dannu għal Hikmett Burak.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Arthur Mercieca. Għall-imputati dehru l-avukati Marion Camilleri u Franco Debono.

More in Qrati u Pulizija