Il-vittma għadda minn martirju
Qtil ta’ żagħżugħ ta' Gaetano Romano minn San Pawl il-Baħar li nqatel b'mod faħxi u b'tortura makabra
minn John Pisani
Qtil ieħor mis-sensiela ta' delitti mhux solvuti li jidhru ta' kull ġimgħa fuq l-ILLUM
Żagħżugħ ta’ 20 sena, Gaetano Romano minn San Pawl il-Baħar, għadda minn martirju qabel miet u dan minħabba l-mod kif il-qattiela għażlu li jwettqu dan id-delitt faħxi. Il-katavru ta’ Gaetano kien instab minn missieru stess f’kamra li kellu fil-maħżen tan-negozju “Cinque Stelle” fi Triq il-Ħġejjeġ f’San Pawl il-Baħar stess. X’aktarx li Gaetano inqatel fil-lejl ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Marzu 2009.
Il-karba ta’ missier Gaetano u l-appelli li għamel biex min jaf xi ħaġa dwar il-qtil ta’ ibnu jmur għand il-Pulizija, sal-lum baqgħu ma ġewx imwieġba minkejja li għaddew aktar minn ħames snin.
Missier Gaetano ħass li kien se jiġri xi ħaġa
Nicola Romano minn Sqallija residenti fi Triq il-Ħġejjeġ f’San Pawl il-Baħar u li meta nqatel ibnu kellu 67 sena, donnu ħass li Gaetano kien se jiġrlu xi ħaġa. Fil-fatt, Nicola, kien ippjana li jmur btala fil-Marokk flimkien mat-tieni mara li hija ta’ nazzjonalità Marokkina u żewġ uliedhom bniet minn din il-mara. Il-Marokkina kienet l-omm tar-rispett ta’ Gaetano.
Kif kien irrakkontali Nicola stess, diversi drabi qal lil Gaetano li ma kienx sejjer il-Marokk. “Ma nafx għaliex, imma bdejt inħoss li xi ħaġa se tiġri u ma rridx inħalli lil ibni waħdu.” Huwa kien qal lil Gaetano biex imur hu l-Marokk minfloku imma t-tifel baqa’ jinsisti għax kien qallu li hu (Gaetano) kien se jmur l-Ingilterra fis-sajf.
Iż-żagħżugħ baqa’ jinsisti ma’ missieru biex imur u jħalli kollox f’idejh. Għal aktar minn darba missieru kien lest li jħassar il-btala fil-Marokk. L-anzjan kien qalli li sa ftit sigħat qabel kellha titlaq it-titjira ma kienx qed iħossu komdu li jħalli lil ibnu warajh.
Messaġġi minn qabel inqatel
Nicola Romano rrakkonta kif wara l-qtil ta’ ibnu ċerti ġrajjiet li seħħew xi żmien qabel bdew jagħmlu sens u li xi ħadd kien diġà qed iwassallu messaġġi. Dawn il-messaġġi ma kinux bil-kitba, imma b’azzjonijiet. Kelb tal-familja Romano kien instab maqtul u saqajh marbutin b’tape u mormi f’għalqa qrib id-dar ta’ Romano.
Kien hemm ġranet oħrajn fejn kull filgħodu Nicola kien isib imsiemer qrib il-bieb tad-dar, ħdejn il-garaxx li kien juża bħala maħżen kif ukoll ħdejn il-bieb tan-negozju. Forsi għal Nicola dawn setgħu fissru xi ħaġa jew min-naħa l-oħra lanqas biss għaddielu minn rasu x’setgħu jfissru.
Darba minnhom sab krozza wara l-bieb tan-negozju u poġġiha fuq il-bankina għax ma kinitx tiegħu. Iżda minflok inġabret mal-iskart, l-istess krozza reġgħet tfaċċat aktar tard quddiem il-bieb tal-maħżen.
Setgħu allura dawn kienu messaġġi lil Nicola, forsi anke messaġġi li fil-kultura Sqallija jintużaw biex iwasslu xi tip ta’ twissija?
Ma setax isib lil ibnu
Peress li baqa’ jinkwieta fuq ibnu, Nicola beda jċempillu kważi kuljum mill-Marokk u meta t-tifel waqaf jirrispondi t-telefonati, il-missier beda jinkwieta. Għall-ewwel Nicola ħaseb li ibnu ma riedx ikellmu għax l-aħħar darba li kien kelmu argumentaw għax Nicola kien diġà se jibda l-vjaġġ lura lejn Malta.
Il-missier kompla jċempel lil Gaetano fuq il-mobile, fuq it-telefon tad-dar u dak tal-ħanut, iżda ma kien hemm ebda risposta. Għaldaqstant Nicola ddeċieda li jtemm il-btala u rritorna lejn Malta u ħalla lil martu u wliedhom ikomplu bil-btala tagħhom.
L-ewwel ħaġa li għamel hekk kif wasal Malta, Nicola kien mar ifittex lil Gaetano fil-post tan-negozju fi Triq il-Ħġejjeġ kantuniera ma’ Triq id-Damasku u ftit metri ’l bogħod mir-residenza tagħhom. F’dan in-negozju, Nicola kien jagħmel xogħol ta’ ġipsum, trinek, xogħol ta’ ċeramika, suffetti u xogħol ieħor simili, imma ma sabux. Minn hemm mar fil-maħżen, iżda minħabba li ċ-ċwievet kien ħallihom kollha għand ibnu, Nicola ma setax jidħol fil-post. Għaldaqstant l-anzjan, bl-għajnuna ta’ lavrant, qaċċat il-katnazz li fih kellu ċavetta maqsuma. Nicola daħal ifittxu hemm iżda xorta ma sabux. Innota li t-telefon ma kienx f’postu, imma dak il-ħin ma tantx ta kas.
Inkwetat li ibnu seta’ telaq mid-dar minħabba l-argument li kellhom fuq it-telefon, il-missier mar jagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra li ibnu kien nieqes.
Inkwetat Nicola reġa’ daħal id-dar fejn il-kelb tal-familja ma kienx jidher lanqas. Ftit wara sema’ ħoss ġej mit-toilet u kif fetaħ sab lill-kelb imsakkar fit-toilet u bil-ġuħ.
Ħaseb li Gaetano kien ħareġ u baqa’ jistennieh
Nicola daħallu ħsieb ieħor, fost il-ħafna ħsibijiet li bdew għaddejjin minn moħħu, li ibnu kien ħareġ ma’ sħabu. Huwa ċempel lil waħda mill-ħbieb ta’ Gaetano, Charlene Law, u staqsieha jekk Gaetano kienx magħha jew kinitx taf fejn hu. It-tfajla marret għand Nicola u stqarret li ma kienet semgħet xejn mingħand ibnu jew ratu dakinhar. Flimkien marru jfittxuh fil-barijiet li ssoltu kien jiffrekwenta imma ma kien jidher imkien.
Għal ħabta tad-9.20pm Nicola reġa’ mar ifittex fil-maħżen u din id-darba kien hemm Charlene miegħu. Huma daru sew il-post imma ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ Gaetano.
F’ħin minnhom Nicola nnota li l-bieb ta’ kamra żgħira li juża biex inixxef ix-xogħol permezz ta’ sħana qawwija, kien magħluq bil-firoll minn barra meta huwa dejjem iħallih imbexxaq meta ma jkunx qed jintuża.
Kif Nicola fetaħ il-bieb u ħares lejn l-art ra lil ibnu mitluq fl-art mingħajr sinjali ta’ ħajja. Huwa beda jgħajjat lit-tfajla li kien sab lil Gaetano. Kif it-tfajla resqet lejh u rat liż-żagħżugħ fl-art ħarġet tiġri ’l barra u x’aktarx kienet hi li ċemplet għall-ajjut.
Ma kinux ċerti kif inqatel
Fi ftit ħin bdew jaslu l-Pulizija fuq il-post fosthom dawk tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Luke Bonello li min-naħa tiegħu informa lis-superjuri tiegħu. Ftit ftit bdew jaslu aktar uffiċjali fosthom l-Assistent Kummissarju Pierre Calleja (illum Deputat Kummissarju), is-Supretendent Silvio Valletta (illum Assistent Kummissarju) u l-Ispetturi Keith Arnaud, Daniel Zammit u Stephen Mallia mid-DIK, l-Ispettur Chris Pullicino mill-Iskwadra tal-Omiċidji, l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina flimkien dawk tad-Distrett fosthom is-Supretendent Mario Bonello (illum irtirat) u l-Ispettur Therese Sciberras (illum ukoll m’għadhiex fil-Korp) kollha tad-Distrett. L-anzjan deher kommoss ħafna tant li f’ħin minnhom l-Ispettur Sciberras dehret tikkunslah.
Għall-ewwel il-Pulizija ma setgħux jistabilixxu kif Gaetano nqatel peress li feriti esterni ma kinux jidhru ħlief għal xi dmija ma’ wiċċu. Kien hemm suspett li seta’ kien każ ta’ overdose ta’ droga peress li fil-post il-Pulizija kienu sabu 18-il gramma kokaina u madwar 80 pillola ecstasy. Aktar tard il-Pulizija kienu waslu għat-teżi li x’aktarx din id-droga allegatament setgħet kienet se tintuża għal waqt party f’għeluq snin l-istess vittma. Imma dwar dan qatt ma seta’ jkun hemm konferma u Nicola kien stqarr li sa fejn jaf hu ibnu qatt ma kellu problemi relatati mad-droga.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Giovanni Grixti mar fuq il-post fejn mexxa l-aċċess u ħatar l-esperti tal-Qorti fosthom lit-Tabib Forensiku Mario Scerri u lill-Perit Richard Aquilina.
Marru wkoll l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat taħt it-tmexxija tal-Ispettur John C. Ellul (illum ukoll irtirat mill-Korp). Sa dak il-ħin kollox kien qed jindika li Gaetano Romano seta’ ngħata xi daqqiet fuq wiċċu jew rasu minħabba d-dmija li kellu u wara ntefa’ fil-kamra u nxtgħelet is-sħana iżda jidher li din jew ma ffunzjonatx sew jew ftit tal-ħin wara ntfiet. Dan sar x’aktarx biex il-katavru jinħaraq u ma jkun hemm ebda evidenza.
Maqtul b’imsiemer f’rasu
Wara aktar stħarriġ u anke l-ewwel eżamijiet li saru minn Dr Mario Scerri, instab l-ewwel ħjiel kif inqatel Romano. Fuq rasu nstabu feriti gravi li kienu moħbijin b’xagħru. Għaldaqstant it-Tabib Forensiku Mario Scerri kompla eżamina l-katavru fejn ġie stabbilit li kellu xi msiemer li kienu msammrin f’rasu. Tant kienu msammrin sew fl-iskutella ta’ rasu li l-ewwel indikazzjoni kienet li kien intuża martell tal-elettriku li jispara l-imsiemer.
It-tfittxija li għamlu l-Pulizija għal din “l-arma” kemm fil-ħanut kif ukoll fil-maħżen ta’ Romano rriżultat fin-negattiv. Fil-fatt meta kellimt lil Nicola Romano, huwa kien qalli li qatt ma kellu dik l-għodda.
Kien hemm aktar minn persuna waħda li wettqu d-delitt
Sorsi qrib il-Pulizija qaluli li l-investigaturi jemmnu li kien hemm bejn tnejn u tliet persuni involuti f’dan il-qtil. Dan għax ma kienx se jkun faċli biex jissammru l-imsiemer fir-ras u b’hekk riedu jkunu mill-inqas tnejn jew aktar biex iżommuh u ieħor li sammar l-imsiemer x’aktarx b’mazza. Kien biss waqt l-awtopsja li sar magħruf li Romano nqatel b’sitt imsiemer ta’ madwar 15-il ċentimetru. Irriżulta wkoll li Gaetano nqatel qabel ma ddaħħal fil-kamra forn għaliex fl-istonku ma kienu nstabu l-ebda traċċi ta’ trab li kien hemm fil-kamra.
Huwa mifhum li l-mod kif inqatel Gaetano Romano huwa l-uniku każ li qatt sar f’Malta. Għaldaqstant l-esperti ma jeskludux li kien hemm xi barranin involuti. Fil-fatt b’konnessjoni ma’ dan il-qtil il-Pulizija kienet interrogat fit-tul erbat irġiel, fosthom Marrokkin li dak iż-żmien kellu 31 sena u li huwa qarib tal-mara ta’ Nicola. Dan kien jaħdem fl-istess negozju tal-vittma. Barrani ieħor kien Bulgaru li kellu 20 sena u li kien sar magħruf li Gaetano mhux l-ewwel darba li kellu argumenti miegħu.
Minkejja s-suspetti l-Pulizija qatt ma setgħu jsibu l-provi konkreti. Anke l-missier kien għadda xi isem jew ismijiet ta’ persuni li kellu suspetti serji fihom imma qatt ma mmaterjalizza xejn.
Għaldaqstant għad hawn min sal-lum jemmen li dan il-każ idur ma’ vendetta. Il-mistoqsija tibqa’ jekk il-qattiela ridux iwasslu messaġġ lil Nicola u ibnu spiċċa l-vittma, jew jekk kinitx kwistjoni diretta ma’ Gaetano. Huwa fatt magħruf li l-mafja ġeneralment toqtol li xi ħadd qrib sew ta’ dak li tkun trid tagħmel vendetta miegħu.
Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.