Il-MaltaToday ftit tal-ħin ilu ħarġet l-aħbar li l-ispettur tal-pulizija li kien fost dawk suspettati li pprova jieħu l-mobile ta' xhud li ġibed l-inċident ta' Sheehan, jinsab bil-leave sfurzat.
MaltaToday qed tgħid li l-ispettur Gabriel Micallef, li oħtu hi l-maħbuba tal-kuntistabbli Paul Sheehan, ġie mġiegħel joħroġ bil-leave sa ma tintemm l-investigazzjoni.
Skont xhieda ta' omm u bintha, dawn qalu li xi ħadd mar jitlobhom il-mobile li bih huma ġibdu l-inċident tal-argument bejn Sheehan u Smith.
Gabriel Micallef kien inkluż f'line-up ta' uffiċjali ta' pulizija suspettati li ppruvaw ibagħbsu evidenza relatata mal-inċident. Ix-xhieda ma setgħux pożittivament jidentifikaw ir-raġel li talabhom il-mobile, iżda ppuntaw lejn tnejn minn dawk linjati.
Il-MaltaToday hi infurmata wkoll li surġent u kuntistabbli qed jiġu investigati wara li kien hemm xi dettalji li sparixxew mir-rapport tal-arrest ta' Smith, fejn kien hemm inkluż ir-riżultat tat-test tal-breathalyser.
Sorsi mill-pulizija qed jallegaw li dawn iż-żewġ ufffiċjali qed jiġu investigati li aċċidentalment neħħew l-informazzjoni mis-sistema tar-rappurtaġġ tal-pulizija, f'attentat tagħhom li kienu se jgħadduhom lil xi gazzetta (li mhix il-MaltaToday u lanqas l-Illum)
L-investigazzjoni interna qed titmexxa mill-aġent kummissarju tal-pulizija, Ray Zammit.