Qegħdin nieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji – Michael Cassar

Tiżdied is-sigurtà fl-ajruport u l-portijiet

Wara l-massakru ta’ nhar l-Erbgħa f’Pariġi ħafna kienu dawk li reġgħu qajmu l-mistoqsija dwar kemm hu ppreparat pajjiżna f’każ li jseħħ xi attakk terroristiku. Għalkemm l-opinjoni pubblika tvarja bħal dejjem, ħafna kienu dawk li wrew tħassib dwar kemm huma tassew ippreparati l-forzi tal-ordni Maltin f’każ li jinqala’ xi ħaġa.

“Il-Korp tal-Pulizija huwa kontinwament imħarreġ fuq xogħlu u qegħdin nieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji kif dejjem nagħmlu sabiex inkunu mħarrġin u ppreparati għal kull eventwalità li tista’ tinqala.” Dan qalu l-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar f’kumment ma’ din il-gazzetta.

Cassar qal ukoll li preżentement hemm aktar sigurtà kemm fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kif ukoll fil-portijiet għalkemm żid jippreċiża li l-Pulizija Maltija ma bdietx tieħu dawn il-prekawzjonijiet issa u li kontinwament taġixxi skont il-ħtiġijiet neċessarji.

“It-terroriżmu madwar id-dinja ma bediex din il-ġimgħa f’Pariġi iżda kif ilkoll nafu ilu għaddej snin. Il-Pulizija għalhekk ilha iktar minn sena bi preżenza akbar ta’ Pulizija tar-Rapid Intervention Unit kemm fis-swali tal-wasla kif ukoll dawk tat-tluq.”

Min-naħa tiegħu meta mitlub jikkummenta fuq l-istess ħsieb, il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal li għal raġunijiet ta’ sigurtà jista’ jgħid biss li pajjiżna qed jieħu dawk il-prekawzjonijiet kollha li huma meħtieġa fiċ-ċirkustanzi ħalli mingħajr allarm u b’kawtela nħarsu s-sigurtà ta’ pajjiżna.

 

More in Qrati u Pulizija