Fil-jiem li għaddew il-Korp tal-Pulizija ħareġ sejħa interna għal dawk il-membri tal-Korp li huma interessati biex jiċċaqalqu minn post għal ieħor. Iżda għal kuntrarju kif ingħatat l-impressjoni li l-Korp għandu bżonn “Pulizija speċjalizzati,” is-sejħa hija għat-Taqsimiet Speċjalizzati.”
Uffiċjal għoli tal-Korp tal-Pulizija qal lil ILLUM li dawk li mhumiex midħla tal-kliem li jintuża fi ħdan il-Korp, huwa faċli li jiżbalja u jħawwad “Pulizija speċjalizzati” ma’ Taqsimiet Speċjalizzati. Huwa spjega li t-taqsimiet kollha fil-Korp, minbarra d-Distretti, jew aħjar dawk fl-Għases tal-Pulizija, jissejħu “Speċjalizzati.”
“Fil-Korp huma magħrufin bħala Special Branches. Fost dawn hemm id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali li fiha hemm diversi taqsimiet fosthom id-Drug Squad, Money Laundering, Economic Crime, Forensics, Interpol, Europol, MIA Port Control, Office, is-SIRENE u l-Counter Terrorism Unit u oħrajn. Hemm taqsimiet oħrajn li jaqgħu taħt l-Ispecial Branch fosthom it-Taqsima tat-Traffiku u r-Rapid Intervention Unit,” qalilna s-sors.
Huwa kompla jispjegalna li s-sejħa saret għal dawn it-taqsimiet u mhu veru xejn li l-Korp għandu bżonn Pulizija speċjalizzata fl-RIU biex jimlew xi postijiet wara li żżarmat l-SAG.
Dawk interessati li jixtiequ jagħmlu parti minn xi taqsima jew oħra, jistgħu japplikaw u dawk li diġà kellhom xi esperjenza se tgħinhom imma mhux obbligatorja.
“Dan huwa mod kif il-membri tal-Korp tingħatalhom l-opportunità biex jiksbu esperjenza f’diversi taqsimiet u mhux jistaġnaw f’post wieħed,” temm jgħidilna s-sors.