Mill-inqas il-vittma ngħata 18-il daqqa ta’ sikkina

Qtil brutali fil-Qawra fl-1999

Il-katavru ta’ Joseph Formosa waqt li kien qiegħed jittieħed fil-hearse
Il-katavru ta’ Joseph Formosa waqt li kien qiegħed jittieħed fil-hearse

Joseph Formosa, Slimiż li iżda kien qed joqgħod il-Qawra, kellu 52 sena meta nqatel brutalment fl-appartament fejn kien qed jgħix waħdu. Il-katavru tiegħu nstab bejn tlieta u erbat ijiem wara li l-Pulizija jaħsbu li nqatel meta l-ġirien ilmentaw minn riħa tinten ġejja mill-appartament tiegħu. L-investigaturi, kif ukoll l-esperti forensiċi, huma konvinti li l-qtil seħħ qabel nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Diċembru 1999, iżda kien it-Tnejn, 6 ta’ Diċembru meta l-Pulizija ssejħu fuq il-post tad-delitt fejn sabu l-katavru ta’ Formosa mimli dmija mgeżwer taħt kutra u liżar.

Il-Pulizija ma teskludix li l-qattiel kien ħarab minn Malta ftit sigħat wara li nstab il-katavru u bl-għaġġla biex jitlaq minn pajjiżna ħalla kważi l-ħwejjeġ kollha warajh fil-lukanda fejn kien alloġġjat.

Il-vittma stieden lill-qattiel fl-appartament

Formosa kien missier ta’ żewġ subien u tlett ibniet. Wara problemi matrimonjali, Formosa kien issepara minn ma’ martu u mar jgħix għal rasu fejn kera appartament numru 7 fi Triq it-Tamar, il-Qawra li jinsab fi blokk bl-isem ta’ Salina Park. 

Il-ġirien qatt ma kellhom problemi minn Formosa, anzi kien hemm min qalli li Joseph ftit li xejn kien innutat forsi wkoll minħabba l-fatt li l-inħawi huwa aktar frekwentati minn barranin milli Maltin. Li kieku ma kinitx għar-riħa tinten li kienet ħierġa mill-appartament fejn kien joqgħod il-vittma, kieku ħadd ma kien jissuspetta xejn, qalli wieħed li kien joqgħod qrib Formosa. 

Il-blokka ta’ appartamenti fil-Qawra fejn inqatel Formosa
Il-blokka ta’ appartamenti fil-Qawra fejn inqatel Formosa

L-investigaturi kienu stabbilixxew li l-qattiel iddaħħal fl-appartament minn Formosa stess u għalkemm kien hemm min kellu l-impressjoni li Formosa u l-qattiel kienu jafu lil xulxin, il-Pulizija aktar ibbażaw it-teoriji tagħhom li l-vittma u l-aggressur iltaqgħu għall-ewwel darba dakinhar stess tal-omiċidju u għaldaqstant ma kienx eskluż ukoll li Formosa stieden lill-qattiel fl-appartament tiegħu.

Riħa li qajmet suspett

Kienet ir-riħa insapportibbli li kienet ħierġa mill-appartament ta’ Joseph Formosa li wasslet biex xi ġirien jagħmlu rapport mal-Pulizija. Minkejja dawn l-irwejjaħ kbar, li saħansitra bdew anke jinxtammu minn barra l-blokka tal-appartamenti, kien it-Tnejn, 6 ta’ Diċembru 1999 għall-ħabta tat-8.30pm li l-Pulizija ġew informati li mill-appartament numru 7 kienet ħierġa riħa qawwija u kien hemm xi ħadd li qal li kien ilu ma jara lil Formosa għal xi jiem.

B’dawn is-suspetti l-Pulizija tad-Distrett, kemm dawk mill-Għassa tal-Qawra stess kif ukoll mill-Għassa tal-Mosta marru fuq il-post biex jinvestigaw l-ilmenti tal-ġirien.

Kif waslu mill-ewwel indunaw li fl-appartament kien hemm riħa li tindika li kien hemm xi ħadd li kien ilu xi jiem mejjet. Mal-bieb il-Pulizija sabu nota li kienet ilha hemm mill-Ġimgħa, 3 ta’ Diċembru. Dan kien sinjal ċar li Formosa kien diġà mejjet qabel dik id-data għax kieku ma kienx iħalli n-nota mwaħħla mal-bieb.

Xena xejn sabiħa

Peress li l-bieb tal-appartament ta’ Formosa kien imsakkar, il-Pulizija talbu sid il-post biex. Għaldaqstant is-sid mar ġab iċ-ċavetta li kien iżomm bħala “spare” u fetħilhom. 

Kif infetaħ il-bieb tal-appartament ir-riħa kienet ferm agħar. Hekk kif il-Pulizija daħlu fil-kamra tas-sodda sabu xena makabra quddiemhom.

Fuq is-sodda kien hemm il-katavru ta’ Formosa fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni mgħotti b’kutra. Is-sodda, il-kutra, il-liżar u l-imħadda kienu mimlija dmija. Meta l-Pulizija kixfu l-katavru kien evidenti li dan kien qtil brutali li kien ilu ftit ma jkollna bħalu f’pajjiżna.

B’din ix-xena quddiemhom, il-Pulizija li marru fuq il-post informaw lis-superjuri tagħhom u ma tħalla ħadd iżjed jidħol mhux biss fl-appartament fejn seħħ il-qtil, iżda lanqas fil-blokka tal-appartamenti.

Fi ftit ħin bdew jaslu diversi uffiċjali fosthom l-eks-Supretendent Bertu Mula, li rtira mill-Korp bħala Assistent Kummissarju, flimkien mal-Ispetturi Martin Bayliss u Paul Vassallo, illum it-tnejn Supretendenti kif ukoll l-eks Spetturi David Galea u John Sacco. Aktar tard kien mar fuq il-post l-eks Kummissarju John Rizzo, li dakinhar kien Assistent Kummissarju u llum Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Formosa jew kien jaf sew lill-qattiel jew sar jafu dakinhar stess u stiednu biex imur miegħu fl-appartament. Dan jirriżulta mill-fatt li l-investigaturi ma sabu ebda sgass u lanqas taqlib li seta’ jindika li l-qattiel seta’ ħasad lill-vittma u daħal fuqu biex iwettaq serqa.

Minkejja dan il-qattiel xorta waħda seraq il-kartiera mill-but tal-qalziet tal-vittma.

Qtil faħxi

Il-Pulizija kienu konxji li quddiemhom kellhom omiċidju faħxi u li xejn ma kien se jkun faċli biex isibu l-qattiel fi ftit żmien.

Peress li l-vittma kellu ammont ta’ daqqiet ta’ sikkina, l-ewwel suspetti tal-investigaturi kienu li Formosa seta’ nqatel minn persuna ta’ nazzjonalità Għarbija. Iżda l-istess investigaturi ma kinux daqshekk konvinti minn dan u kienu biss suspetti.

Ir-raġuni kienet li ġeneralment il-mod kif tinqatel persuna minn xi ħadd Għarbi hija tħanxir tal-għonq. Formosa, barra daqqa f’għonqu, kellu wkoll daqqiet oħrajn f’dahru, sidru u partijiet oħrajn ta’ ġismu. Mill-inqas il-vittma ngħata 18-il daqqa ta’ sikkina.

Ħafna mid-daqqiet kienu superfiċjali, iżda oħrajn kienu fondi u li minnhom Formosa kien tilef ħafna demm. 

Id-daqqiet fatali kienu erbgħa - waħda li nifdet il-qalb, oħra qrib ħafna ta’ qalbu u tnejn fil-pulmun.

Il-kumplament tad-daqqiet ingħataw bl-aktar mod vendikattiv mill-qattiel li kienu jindikaw li seta’ kien irrabbjat għal Formosa.

Ipprova jilqa’ d-daqqiet 

Ma kienx eskluż li Formosa u l-qattiel kellhom argument u l-aggressur mar ġab sikkina u beda jaggredixxi lil Joseph. Mal-ewwel daqqiet jidher li Formosa ma kellux ħin jirritalja jew saħħa biżżejjed biex jirreżisti. Wara li ngħata daqqa f’għonqu u x’aktarx oħra f’sidru, Formosa pprova biss jiskansa d-daqqiet billi qabad l-imħadda u użaha bħala tarka biex jilqa’ biha d-daqqiet ta’ sikkina. Dan jirriżulta minn kif instab il-katavru jżomm l-imħadda miegħu u f’pożizzjoni ggrunċjata.

Iżda l-qattiel ma kienx sodisfatt u minkejja li  Formosa ma kellux aktar forza biex ikompli jilqa’ daqqa wara l-oħra, il-kriminal xorta kompla jaggredixxi lil Formosa.

Seraqlu l-kartiera

Kif il-qattiel ra li l-vittma tiegħu ma kienx qed jiċċaqlaq u kien mimli dmija, seraq il-kartiera ta’ Formosa mill-but tal-qalziet.

Kif kien għadu mċappas bid-demm ta’ Formosa, il-qattiel qabad il-kutra li kien hemm fuq is-sodda u mesaħ xi demm li kellu ma’ jdejh u wara reġa’ tefagħha fuq Formosa.

L-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat kienu elevaw traċċi tad-demm anke minn mal-ħajt tal-kamra tal-banju li kienu jindikaw li l-qattiel ħasel id-demm li ċċappas bih kif ukoll ħasel l-arma tad-delitt.

Suspett fuq Ingliż

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu li fl-4 ta’ Jannar 2000, kważi xahar wara dan il-qtil faħxi ta’ Joseph Formosa, il-Pulizija kienu reġgħu marru fuq ix-xena tad-delitt minn fejn elevaw marka ta’ pala ta’ id li kien hemm fil-ġir ma’ ħajt. Mhux magħruf jekk din il-marka ta’ pala ta’ id irriżultatx ta’ min kienet iżda dan il-każ kellu żvolta oħra.

L-istess sorsi qaluli li l-Pulizija kellha suspett qawwi fuq raġel ta’ nazzjonalità Ingliża li dak iż-żmien kien alloġġjat fil-Lukanda Palm Court li tinsab fl-istess triq fejn instab maqtul Formosa.

Dan it-turist, li dakinhar tal-qtil kellu 35 sena, kien ippjanat li jħalli Malta fil-21 ta’ Diċembru 1999, iżda “ħarab” minn Malta ferm qabel din id-data. 

Minn stħarriġ li komplejt nagħmel jirriżulta li dan it-turist kellu kollox imħallas, inkluż it-titjira KM4152 tal-linja nazzjonali Air Malta lejn Manchester.

Il-Ħamis, 23 ta’ Diċembru 1999, il-Pulizija kienu informati minn wieħed mid-diretturi tal-lukanda li dan l-Ingliż kien ilu ma jidher għal xi jiem u beża’ li seta’ ġralu xi ħaġa. Iżda minn aktar stħarriġ irriżulta li fil-fatt dan it-turist kien ħalla Malta ferm qabel iż-żmien. 

Dan qajjem suspett u għaldaqstant il-Pulizija kienu għamlu tfittxija fil-kamra tal-Ingliż. B’dak li sabu kien evidenti li dan l-individwu kien ħalla Malta malajr tant li kien ħalla ħafna affarijiet personali warajh. Mill-kamra fejn kien alloġjat dan it-turist, il-Pulizija elevaw qomos, qliezet, par żarbun u anke oġġetti li kienu juża biex iqaxxar il-leħja. Indikazzjoni li dan l-Ingliż kien ħarab minn Malta u mhux iddejjaq u telaq.

Minn aktar stħarriġ irriżulta li dan it-turist kien fil-fatt ħalla Malta nhar it-Tlieta, 7 ta’ Diċembru 1999. Huwa kien mar lura l-Ingilterra fuq it-titjira KM116, ukoll tal-Air Malta li telqet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fit-8am lejn l-Ajruport ta’ Gatwick f’Londra. 

L-Ingliż xtara biljett lejn Gatwick peress li meta ġie Malta t-titjira li ġie biha, u li kellu jmur lura lejn Manchester, kienet titjira ‘chartered’ u għaldaqstant il-biljett ma kienx trasferibbli. Din il-“ħarba” saret ftit inqas minn 12-il siegħa wara s-sejba tal-katavru ta’ Formosa.

Il-kamra nadifa

Meta l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat marru biex jelevaw xi marki tas-swaba’ mill-kamra fejn kien alloġġjat l-Ingliż, ma sabux x’jelevaw minħabba li l-fattigi tal-lukanda xorta baqgħu jnaddfu l-kamra regolarment u ma kellhom l-ebda raġuni għaliex ma jagħmlux hekk.

Il-Pulizija Maltija, permezz tat-Taqsima tal-Interpol, kienu talbu l-għajnuna tal-Pulizija Ingliża biex isibu lill-Ingliż kif ukoll kienu ntbagħtu l-marki tal-pala ta’ l-id u kampjuni oħrajn lill-Pulizija Ingliża, iżda minn dakinhar qatt ma rriżulta xejn.

L-investigaturi f’dan il-każ iżda ma kinux waqfu hemm tant li anke kienu ġabru xi persuni fosthom raġel minn St. Andrews li dakinhar kellu 35 sena, ieħor ta’ 24 sena minn Ħ’Attard u ieħor ta’ 26 sena mill-Fgura.

Wara sigħat ta’ interrogazzjonijiet dawn kienu nħelsu. Il-Pulizija anke tkellmu ma’ persuni li huma magħrufin li jsellfu l-flus minn fuq l-idejn minħabba informazzjoni li kellha li Formosa mhux l-ewwel darba li kien jissellef xi flus.

Fil-fatt irriżulta li huwa kellu xi djun, iżda mhux flejjes kbar tant li dan il-mottiv kien skartat mill-Pulizija.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Qrati u Pulizija