"Jekk ma tħallinix nidħol fik nagħtik bil-ponn"
Raġel mill-Guinea ta' 22 sena lil vittma tiegħu ta' 26 sena f'San Ġiljan
More in Qrati u Pulizija
Raġel mill-Guinea ta' 22 sena lil vittma tiegħu ta' 26 sena f'San Ġiljan
Raġel mill-Guinea ta' 22 sena hedded lill-vittma tiegħu, tfajla Maltija ta' 26 sena, waqt li kien qed ikollu x'jaqsam magħha li jekk ma tħallihx jidħol fiha kien se jagħtiha bil-ponn.
Seykou Ballde ħarab mill-għassa tal-pulizija ta' San Ġiljan meta kien arrestat għall-allegat stupru f'Diċembru li għadda fejn il-Maġistrat Aaron Bugeja sejjaħlu bħala ħarba stil ta' Houdini. Ballde ċaħad dan kollu.
Dalgħodu l-qorti semgħet kif pulizija mill-RIU semgħu għajjat ta' tfajla għall-għajnuna f'xit-3am fi triq li ma tantx kienet imdawla f'San Ġiljan, fl-14 ta' Diċembru li għadda.
Stephen Micallef membru tal-RIU sema' lit-tfajla tgħidlu 'ieqaf, ieqaf, ieqaf'. Huma sabu lil Ballde fuqha bil-jeans imniżżel u l-parti tiegħu barra, filwaqt li t-tfajla kienet imneżża minn qaddha 'l isfel.
Ballde prova jtella' l-qalziet meta raha lill-pulizija resqin lejh u beda jirreżisti mal-pulizija fejn anke ta daqqa ta' minkeb fuq għajnejn wieħed minnhom iżda l-pulizija rnexxielhom irażżnuh u ġie arrestat. Micallef ta lit-tfajla l-ġakketta tiegħu biex titgħatta.
"Kien jidher li hu kien se jkollu x'jaqsam magħha filwaqt li hi kienet qed tirrifjutah" qal il-pulizija.
L-espert mediku Mario Scerri qal li mill-eżami li sar 12-il siegħa wara l-inċident ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta' penetrazzjoni. Il-vittma kellha xi grif f'wiċċha u Ballde kellu żewġ marki fuq rasu. L-esperta tal-qorti eżaminaw kampjuni tad-DNA li ttieħdu minn fuq il-post fejn ma nstab l-ebda sperma ta' Ballde fuq il-vittma iżda qalet li hemm possibilità li fuq il-vittma nstabet traċċa ta' sperma minn ta' raġel ieħor.
Din ma kinitx l-ewwel darba li Ballde kellu problemi mal-pulizija fejn l-ispettur David Camilleri qal li għandu każ għaddej fejn Ballde sawwat prostituta. Qal li suppost Ballde irid jiffirma fl-għassa tal-Qawra f'ċertu ħin iżda dan m'għamlu qatt.