Jagħmel €2,900 fi ħsara waqt festin

Żagħżugħ Franċiż li jgħix f’Malta tressaq il-Qorti wara li ammetta li kkaġuna b’madwar €2,900 ħsara waqt festin f’appartament li kien kera.

Il-Qorti semgħet kif iż-żagħżugħ, Florian Ribouchon ta’ 24 sena, u sħabu krew l-appartament fi Triq Camenzuli, Tas-Sliema. Huwa mifhum li l-Franċiż ried jitlaq mill-appartament u li sussegwentament, hu u sid il-kera kellhom diżgwid fuq xi flus. Minħabba f’hekk huwa organizza party u kien hawn li wassal għall-ħsara li saret fl-appartament.

Fil-Qorti, Ribouchon ammetta li għamel €2,900 fi ħsara. Il-Maġistrat Gabriella Vella semgħet kif l-imputat mar l-għassa minn jeddu fejn stqarr mal-pulizija li kien hu li għamel il-ħsara fl-appartament.

Madankollu, il-Maġistrat qalet li dan li kien aġir irresponsabbli u għalhekk illiberat lil Ribouchon bil-kundizzjoni li ma jikkomettix reat ieħor fi żmien sena. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana filwaqt li l-Avukat Mark Mifsud Micallef deher bħala għajnuna legali.

More in Qrati u Pulizija