Carmelo Delia nstab ħati wkoll li nhar it-8 ta’ Novembru 2011 huwa ħebb għal Charmaine Muscat u kkaġunalha ġrieħi ta’ natura gravi, li kkaġuna ġrieħi ħfief lil Adrian Farrugia u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
Il-Qorti semgħet kif dakinhar, il-vittma, Charmaine Muscat, ċemplet lil mara tal-imputat, li tiġi sidt il-post, u qaltilha li kien hemm sufan immuffat fl-appartament. Ftit wara, sid il-kera, Joyce Delia, li toqgħod fl-istess blokka ta’ appartamenti marret fir-residenza u hemm qamet ġlieda kbira.
Muscat qalet ukoll li f’ħin minnhom daħlu Carmelo Delia u ibnu. Ibnu taha daqqa u l-imputat qabadha mal-flokk u beda jsabbatha mal-ħajt u qabad siġġu u qalilha li kien se joqtlilha t-tifla li kellha biss sentejn.
Muscat xehdet ukoll li meta ċemplet lill-eks sieħeb tagħha, Adrian Farrugia, huwa wasal fil-post u l-irġiel bdew jagħtu lilu. Spjegat li hi marret biex tferraq lit-tlett irġiel waqt li tenniet li l-imputat hedded li joqtolha, beda jagħtiha bil-ponn u hi bdiet tipprova tilqgħu.
Qalet ukoll li kaġun tal-ġrieħi li għamlilha Delia, hi spiċċat biex ġiet operata f’idha x-xellugija u għadha qed tbati biha s’issa.
Filwaqt li kkonferma x-xhieda ta’ Muscat, Adrian Farrugia qal li Delia avviċinah l-ewwel u tah daqqa ta’ ponn ġo wiċċu, u li l-ġlied waqaf biss meta qalilhom li kien se jċempel lill-pulizija.
Intant, fix-xhieda tiegħu, l-imputat ċaħad li refa’ jdejh fuq Muscat u qal li l-argument qam meta martu, hu, u binhom marru biex jiġbru l-kera mingħand Charmaine Muscat.
Xħin ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti qalet li x-xhieda ta’ Charmaine Muscat hija aktar kredibbli u qalet li l-atteġġjament ta’ Delia seta’ jiġi evitat għax il-vjolenza m’għandha qatt tiġi aċċettata. Minħabba f’hekk il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, sabet lill-imputat tal-akkużi miġjuba kontrieh u kkundannatu għal 15-il xahar ħabs li se jiġu sospiżi għal tliet snin.
Apparti hekk, il-Qorti rabtet lill-ħati b’garanzija personali ta’ €1,000 għal żmien sena fil-konfront ta’ Charmaine Muscat u Adrian Farrugia.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Said Sarreo.