Il-vittma kien ilu ġimgħa rrapportat nieqes

Omiċidju fl-Aħrax tal-Mellieħa fl-2013

 Il-katavru ta’ Pawlu Grech hekk kif ittella’ mill-ħofra
Il-katavru ta’ Pawlu Grech hekk kif ittella’ mill-ħofra

F’din is-sensiela ta’ Omiċidji Mhux Solvuti nagħtu ħarsa lejn qtil li seħħ ftit aktar minn sena u tliet xhur ilu.

Dan il-każ huwa ta’ Pawlu Grech, Naxxari ta’ 47 sena li kien joqgħod il-Magħtab. Il-katavru ta’ Grech kien instab nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013 fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa wara li kien ilu rrapportat nieqes aktar minn ġimgħa. Il-Pulizija kienu, u probabbli għadhom sal-lum, ċerti li dan il-qtil ikun solvut. Li huwa interessanti li l-investigaturi kienu qrib sew li jressqu persuna l-Qorti, imma kien jonqoshom biss dik il-prova żgħira biex jaqdu l-jigsaw puzzle.

Il-vittma rrapportat nieqes

Il-familja ta’ Pawlu Grech kienet għamlet rapport mal-Pulizija fl-Għassa tan-Naxxar fejn qalu li kienu ilhom ma jaraw jew jisimgħu b’Pawlu mill-Ħamis, 10 ta’ Ottubru 2013. L-aħħar li kienu raw lil Pawlu kien għall-ħabta tas-6.30pm tal-10 ta’ Ottubru 2013 f’Buġibba fil-kumpanija ta’ raġel Russu. Huwa kien qed jagħmel użu minn karozza Isuzu Gemini bin-numru ta’ reġistrazzjoni CBA 494.

Ftit wara li sar ir-rapport, il-Pulizija kienu ħarġu appell fil-mezzi tax-xandir biex min jista’ jagħti xi tip ta’ informazzjoni fejn jista’ jinstab Pawlu Grech, kien mitlub jagħmel kuntatt mal-Pulizija. Ma’ din l-istqarrija l-Pulizija kienu wkoll ippubblikaw ritratt tiegħu kif ukoll x’tip ta’ karozza kien qed jagħmel użu minnha.

Dan l-appell ma waqax fuq widnejn torox tant li s-sejba tal-katavru saret possibbli meta persuni nnutaw il-karozza ta’ Grech qalb is-siġar fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa.

Tinstab il-karozza imma Grech ma deher imkien

Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013 għall-ħabta tal-9.50am il-Pulizija waslitilha informazzjoni li bejn is-siġar fl-imwarrab mal-ġenb tat-triq li tagħti għall-Aħrax tal-Mellieħa, kien hemm karozza Isuzu Gemini ta’ kulur il-fidda bin-numru tar-reġistrazzjoni CBA 494. Hekk kif il-Pulizija vverifikaw in-numru mal-lista li għandhom u tela’ li l-karozza kienet dik ta’ Pawlu Grech, marru fuq il-post bit-tama li jsibu lil Pawlu fl-inħawi.

L-ewwel ma waslu kienu l-Pulizija tad-Distrett u ftit tal-ħin wara marru l-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra l-Vizzji mmexxijin mill-Ispettur Sylvana Briffa. 

Wara li t-tfittxija mill-Pulizija fl-akwati rriżultat fin-negattiv, intalbet l-assistenza mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex it-tfittxija tinfirex anke taħt l-irdumijiet. Il-Pulizija tad-Distrett marru għand il-familja ta’ Grech biex iġibu xi ħaġa personali ta’ Grech biex il-klieb ikunu jistgħu jxommu u jfittxu r-riħa tiegħu. Fil-fatt il-Pulizija ġabu żarbuna tal-vittma u wara li l-klieb xammew sew ir-riħa, it-tfittxija għal Grech kompliet tinfirex.

Għalkemm bħalma jgħidu li l-aħħar li tmut hija t-tama, aktar ma beda jgħaddi l-ħin u ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ Grech, il-Pulizija kif ukoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili bdew jaħsbu aktar fil-ħażin.

Grech kien l-iżgħar fost seba’ aħwa u kien għadu qed jgħix ma’ ommu li dak iż-żmien kellha 86 sena. Fl-istess dar fil-Magħtab kienu joqogħdu wkoll erba’ ħutu subien.

Tinxtamm riħa tinten 

Waqt li kienet għaddejja t-tfittxija wieħed mill-Pulizija resaq lejn xaqq bejn il-blat li kien jagħti għal ħofra fonda. Kif kien hemm xamm riħa qawwija li kienet ħierġa mill-ħofra, iżda sa dak il-ħin il-Pulizija ma kinux għadhom konvinti li r-riħa kienet ta’ katavru fi stat ta’ dekompożizzjoni għax minn fuq ma kien jidher xejn ħlief żewġ boroż suwed. Peress li din il-ħofra tidjieq aktar ma tinżel ’l isfel, ir-riħa ma kinitx kontinwa u kienet tinxtamm aktar ma’ kull darba li r-riħ minn taħt jimbotta r-riħa ’l fuq.

Fil-fatt l-ewwel suspetti kienu li l-boroż suwed barra li kellhom xi skart fih, seta’ wkoll kien hemm fdalijiet ta’ xi annimal li ntrema fil-ħofra. Dan għax mhux l-ewwel darba li fl-istess inħawi ntremew klieb u qtates mejtin.

Jinstabu zkuk u ġebla mċappsin bid-demm

Fost il-Pulizija preżenti, kif ukoll uħud mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, kien hemm minnhom li ma kinux konvinti li r-riħa kienet ta’ xi annimal mejjet. Għaldaqstant bdiet operazzjoni biex jittellgħu l-boroż suwed.

Aktar minn erba’ sigħat wara, għall-ħabta tas-2.12 pm, iż-żewġ boroż ittellgħu permezz ta’ ganċ li fihom instab li kienu mimlijin bil-jablo. Għaldaqstant reġa’ tniżżel il-ganċ u din id-darba nħass li kien hemm xi ħaġa ratba. 

Mill-istess ħofra ttellgħet ġebla u xi zkuk li kienu mċappsin bid-demm. Minnufih dawn ittieħdu l-Laboratorju Forensiku fejn ġie stabbilit li d-demm huwa demm uman. B’hekk is-suspett li r-riħa kienet ta’ katavru fi stat ta’ dikompożizzjoni kiber u b’din is-sejba ġew informati diversi uffiċjali tal-Pulizija.

Tidher ras u id

Meta l-Pulizija reġgħu ttawlu fil-ħofra setgħu jaraw dik li kienet qisha ras ta’ bniedem u anke id umana. Qabel tkompliet l-operazzjoni biex jittella’ dak li kien maħsub li huwa katavru jew partijiet minnu, stennew li fuq il-post jaslu l-uffiċjali. Ftit tal-ħin wara wasal is-Supretendent Paul Vassallo mit-Taqsima ta’ Kontra l-Vizzji, l-Ispettur Chris Pullicino mill-Iskwadra tal-Omiċidji u l-Ispettur Josric Mifsud tad-Distrett.

Aktar tard marru l-Assistent Kummissarju Pierre Calleja, l-Assistent Kummissarju Raymond Zammit – illum it-tnejn huma Deputat Kummissarju, u s-Supretendent Martin Bayliss tad-Distrett u oħrajn. Bis-suspett tas-sejba ta’ katavru u l-karozza ta’ Grech, il-każ ħa xejra oħra – dik ta’ omiċidju. Għaldaqstant kien informat il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Carol Peralta, li mexxa l-aċċess fuq il-post. Kif wasal ittieħed ħdejn il-karozza ta’ Grech u anke ħdejn il-ħofra fejn kienet għaddejja l-operazzjoni biex jittella’ dak li kien maħsub li seta’ kien il-katavru ta’ Pawlu Grech.

Operazzjoni diffiċli u delikata

Minn hawn bdiet operazzjoni delikata biex jittella’ l-katavru. Id-djuq tal-ħofra u n-nuqqas ta’ dawl kompla kkomplika s-sitwazzjoni. L-ewwel ma niżel kien Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit li spezzjona l-post u kkonferma li kien hemm katavru iżda kien diffiċli biex jittella’.

Wara diversi sforzi, fil-ħofra niżel is-Surġent Charlot Casha mit-Taqsima tal-Forensika fejn iddendel bil-ħbula peress li l-katavru kien f’fond ta’ aktar minn sular. Hekk kif is-Surġent Casha tniżżel fil-ħofra sab li l-katavru kien fuq il-ġenb tiegħu fuq ix-xellug. Madwaru kien hemm ħafna demm u kellu fuqu xi ġebel u aktar boroż. Parti minn rasu u kważi l-ġenb kollu tax-xellug kien maqbud bejn il-blat u kien imwaħħal. Għaldaqstant PS Casha neħħa l-ġebel u dak li kien hemm fuq il-katavru, rabatlu jdejh b’ħabel u permezz ta’ Jeep tal-RIU beda jinġibed bil-mod. Kif il-katavru nqala’ minn bejn il-blat seta’ jittella’ lejn l-art. Iżda qabel seta’ jsir dan ittieħdu ritratti tax-xena u tal-oġġetti kollha li ttelgħu mill-ħofra.

Dan kien għall-ħabta tal-5.30pm, seba’ sigħat u nofs wara li l-Pulizija kienu informati bis-sejba tal-karozza ta’ Pawlu Grech.

Peress li l-katavru nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, il-Pulizija ma setgħux jikkonfermaw li kien ta’ Grech, iżda minn dak li sabu kellhom indikazzjoni tajba li kien tiegħu. Fil-fatt il-ħwejjeġ li kellu fuqu l-katavru kienu jaqblu ma’ dawk li deher bihom l-aħħar Grech kif ukoll fil-bwiet il-Pulizija sabu ċ-ċwievet tal-karozza Isuzu Gemini li kien qed jagħ¬mel użu minnha l-vittma kif ukoll il-mobile tiegħu. Meta l-Pulizija komplew jagħmlu aktar tfittxijiet fl-istess ħofra, sabu wkoll par żarbun li rriżulta li huma tal-istess Grech.

Il-qattiel kien jaf eżatt fejn għandu jolqot

Bil-katavru barra mill-ħofra, issa setgħu jsiru l-ewwel eżamijiet forensiċi fuqu. Il-Maġistrat Peralta ħatar lit-Tabib Forensiku Mario Scerri li mar fuq il-post. 

Għalkemm il-vittma deher li kellu xi daqqiet l-opinjoni tal-espert forensiku hija li min wettaq dan l-omiċidju kien jaf eżatt fejn għandu jolqot b’daqqa waħda biex jikkawża l-mewt. Fil-fatt il-vittma ngħata daqqa waħda ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta fuq sidru eżatt fejn qalbu u d-daqqa kienet tinfed biżżejjed li laqtet il-qalb li rriżultat f’waħda fatali.

Kollox kien jindika li Grech inqatel fuq il-post, qrib il-ħofra fejn instab. Jidher li l-Pulizija baqgħet ma sabitx l-arma li ntużat f’dan il-qtil minkejja tfittxijiet intensivi fejn kellu jintuża wkoll apparat elettroniku li permezz tiegħu setgħu jfittxu bejn il-blat fejn instab il-katavru bit-tama li l-qattiel ta’ Grech rema l-arma hemmhekk. 

Il-Pulizija baqgħu għal xi jiem ma kkonfermawx li l-katavru kien ta’ Grech u stennew sakemm ikollhom ir-riżultati tad-DNA. Għaldaqstant ittieħdu kampjuni tad-DNA mingħand wieħed minn ħutu fejn wara jiem ta’ stennija kien ikkonfermat li l-katavru li ttella’ minn dik il-ħofra fil-blat fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa kien ta’ Pawlu Grech.

Suspett f’Russu

Pawlu Grech għal xi żmien kellu negozju bil-bowser tal-ilma u jidher li pprova xi negozji oħrajn li ma marx tajjeb fihom. Kien intqal li l-falliment f’diversi negozji setgħu daħlu lil Grech f’ħafna problemi finanzjarji li qatt ma kien eskluż li dawn il-problemi setgħu kienu l-mottiv wara l-qtil tiegħu.

S’issa l-investigaturi kellhom biss suspett f’raġel li fl-2013 kellu madwar 46 sena ta’ nazzjonalità Russa li kien jgħix il-Gżira u miżżewweġ mara Maltija. 

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija kienu qaluli li l-aħħar li Pawlu Grech deher ħaj, il-Ħamis 10 ta’ Ottubru 2013 għall-ħabta tas-6.30pm, kien fil-kumpanija ta’ dan ir-raġel Russu f’Buġibba. Kien allegat li l-għada, il-Ġimgħa, ir-Russu ħalla Malta bil-katamaran lejn Katanja, minn hemm mar il-Latvja u baqa’ sejjer ir-Russja. 

Peress li l-Pulizija kellhom suspett fih baqgħu jistennewh biex jiġi lura Malta biex ikellmuh dwar l-għibien ta’ Grech. Fil-fatt hekk kif irritorna Malta nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Ottubru 2013, jumejn qabel ma nstab il-katavru ta’ Grech, huwa sab lill-Pulizija mit-Taqsima ta’ Kontra l-Vizzji mmexxijin mill-Ispettur Sylvana Brif¬fa tistennih. 

Huwa ttieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn kien interrogat fit-tul, iżda sa dak il-ħin il-Pulizija kienu qed jinvestigaw għibien ta’ persuna u mhux omiċidju.

Il-konnessjoni Russa

Minn aktar stħarriġ kien irriżulta li kien hemm allegazzjoni li Grech kellu fiduċja assoluta fir-Russu suspettat, tant li kien awtorizzah li jkollu l-prokura biex jinnegozja f’ismu fir-Russja. 

Fost in-negozju kien hemm tpartit ta’ proprjetà u anke somma konsiderevoli ta’ flus. Fil-fatt il-biċċa art li hemm fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun, faċċata ta’ Triq Farsons, kienet ta’ Grech u li kellu proġett kbir u li kien se jgħaddiha lil xi negozjanti Russi. Sal-lum din l-art fil-Ħamrun għadha l-istess.

Min-naħa l-oħra, Grech kien se jakkwista medda ta’ art kbira fir-Russja li kienet tinkludi foresta u fabbrika żgħira li tqatta’ s-siġar u tipproduċih f’diversi tipi ta’ injam. Iżda kien allegat ukoll li Grech ma kienx wasal biex iħallas għall-proprjetà li xtara fil-Ħamrun li kienet stmata li tiswa madwar €1.5 miljun u minħabba problemi finanzjarji kien allegat li l-bank kien ħataflu din l-art.

Seta’ kien dan il-mottiv wara l-qtil ta’ Pawlu Grech? Il-Pulizija qatt ma eskledewh, iżda l-investigaturi għandhom bżonn provi konkreti biex iressqu lil xi ħadd il-Qorti.

Meta nqatel Grech?

Għall-Pulizija kien importanti li jistabilixxu d-data eżatt meta nqatel Pawlu Grech. Ir-raġuni kienet biex ikun stabbilit jekk ir-Russu, li kellhom suspett fih, kienx hawn Malta jew le. Għaldaqstant kienu importanti ħafna r-riżultati forensiċi li juru b’mod xjentifiku d-data preċiża li ma jħallu l-ebda dubji ta’ meta nqatel. 

L-ewwel riżultati kienu jindikaw li Grech kien ilu mejjet mhux aktar minn tliet ijiem mindu nstab għalkemm kien ilu nieqes tmint ijiem. Minn aktar stħarriġ sibt li d-dud, magħruf bħala ‘maggots’, imur fuq katavru fi ftit sigħat, l-aktar meta dan ikun barra u mhux f’xi dar. Minn dawn il-‘maggots’ l-esperti forensiċi jkunu jistgħu jiddeterminaw kemm ikun ilu mejjet il-bniedem. 

B’hekk l-investigaturi sabu intopp peress li s-suspettat ewlieni li kellhom, ir-Russu, ma kienx Malta meta Pawlu Grech inqatel.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Qrati u Pulizija