Kien hemm min kien ħaqqu li jiġi kkastigat

20 sena mit-traġedja tal-Um El Faroud

Dak li kien fadal mill-vapur Um El Faroud wara l-isplużjoni
Dak li kien fadal mill-vapur Um El Faroud wara l-isplużjoni

Kull min jaħdem jew ħadem f’xi tarzna madwar id-dinja, jgħidlek li l-periklu qiegħed hemm u trid toqgħod attent il-ħin kollu. It-Tarznari ta’ Malta qatt ma kienu jew huma xi eċċezzjoni u ftit nuqqas ta’ attenzjoni jseħħ inċident li jista’ jkun anke fatali. 

Imma meta l-inċident fatali ma jkunx it-tort tal-ebda ħaddiem imma nuqqas ta’ xi ħadd li forsi naqas li jagħti dettalji speċifiċi b’konsegwenza li l-ħaddiema ma jkunux konxji ta’ periklu serju, allura l-weġgħa tal-qraba u kollegi tal-vittmi tkun ferm akbar.

Nhar it-Tlieta li għadda, 3 ta’ Frar 2015, kien l-20 anniversarju mill-ikbar traġedja fit-Tarzna ta’ Malta kif ukoll f’kull post ieħor fuq il-post tax-xogħol f’Malta.

Tkellimt ma’ Gordon Pisani, ħu Simon Pisani li kellu 22 sena u huwa l-iżgħar vittma ta’ din it-traġedja. Għad hemm rabja, anzi rabja kbira.

“Waħda mill-ħafna mir-rabja li għandi hija li naħseb li kien hemm min kien ħaqqu li jiġi kkastigat tal-iżbalji li għamel. Vera li kulħadd uman u jista’ jiżbalja, imma min kien responsabbli li jara li l-vapur kien mija fil-mija ‘gas free’ naqas li jagħmel dan u l-fatti juru għax kieku ma kinitx isseħħ din it-traġedja. “Allura ġustizzja magħna u mal-familji tat-tmin ħaddiema l-oħrajn u dawk li sofrew xi ġrieħi dakinhar, baqgħet ma saritx. 

“Il-ħaddiema, fosthom ħija, kienu ngħataw l-ordni biex jibdew jaħdmu għax suppost li kien hemm xi ħadd responsabbli li jara li l-ħaddiema kollha kienu se jaħdmu f’post sigur. Dan ma sarx.

“Naħseb li l-affarijiet setgħu saru aħjar waqt l-investigazzjonijiet. Ma nistax ngħid li kien hemm xi ħabi, imma s-suspetti tiegħi hemm qegħdin,” qalli Gordon b’ton ta’ diżappunt aktar milli vendikattiv.

Gordon Pisani, ħu Simon, l-iżgħar vittma
Gordon Pisani, ħu Simon, l-iżgħar vittma

Gordon beda biex qalli li meta ċempiltlu biex nintervistah dwar it-traġedja li għaddew minnha, fi ftit minuti ra film għaddej quddiemu minn dak li ġara 20 sena ilu. 

“Jien u Simon konna qrib ħafna ta’ xulxin. Anke konna norqdu fl-istess kamra. Konna niċċajtaw flimkien, kbirna flimkien, għalkemm ma tantx gawda mill-ħajja. Meta ġab il-liċenzja u beda jsuq kien iwassalni u anke jiġi għalija l-iskola. Dak iż-żmien kont immur Umberto Colosso f’Santa Venera u Simon kien jaħdem bil-lejl u kien jispiċċa fis-6am. Minflok jidħol jorqod kien iwassalni hu.”

Meta seħħet it-traġedja tal-Um El Faroud, Gordon Pisani kien se jagħlaq 16-il sena. Gordon ma tilifx lil ħuh biss, imma tilef ħabib. Għaldaqstant meta x-xokk kompla jirranka fuq Gordon kien fi żmien taż-żogħżija fejn kien mifxul u ma setax jifhem għaliex ġara dak li ġara u kif ħuh Simon mhux se jirritorna d-dar. 

“Li kieku ma kinux erbat iħbieb li kienu ta’ appoġġ kbir, u ppermettili nirringrazzjahom minn hawn, kieku ma nafx x’kien isir minni. Sibthom meta ħajti kienet qiegħda tikkrolla. Kienu jiġu miegħi anke meta kont immur inżur il-qabar ta’ ħija. L-istess appoġġ enormi sibtu meta ltqajt mal-mara, Rachelle. Għenitni u għadha sal-lum ta’ għajnuna kbira.”

3 ta’ Frar 1995

“Dakinhar tat-traġedja kont qiegħed l-Oratorju peress li dak iż-żmien konna noqogħdu s-Swatar. Kien il-Ġimgħa u niftakar li tlaqt minn hemm ftit wara l-11pm meta l-isplużjoni kienet diġà seħħet. Imma ma konna nafu xejn.

“Għall-ħabta tal-5.30am smajt il-qanpiena tal-bieb u qomt niġri lejn il-kamra tas-sodda ta’ ommi u missieri peress li l-gallarija fil-kamra tagħhom kienet tagħti għal barra, u kif ittawwalt erba’ persuni fosthom Pulizija.

“Inżilna u smajthom jgħidu lil ġenituri tiegħi biex imorru l-isptar, dak iż-żmien kien San Luqa, għax inqala’ inċident fit-Tarzna u weġġa’ t-tifel tagħkom.

“Ilbisna malajr u jien u ommi morna ma’ missieri u ħija Alex, illum għandu 46 sena, mar bil-karozza tiegħu. Niftakar li missieri saq b’veloċità iktar minn normal u għadni niftakar ukoll eżatt mil-liema toroq għadda.

“Kif wasalna l-isptar sibna ħafna nies u jien bdejt niftaħ kull purtiera u partition li sibt biex infittex lil Simon. Imma Simon ma deher imkien. Niftakar qisu lbieraħ kien hemm infermier li nduna li bdejna nfittxu lil xi ħadd u ħassejt li kien hemm xi ħadd jimxi warajja. Kif wasalna f’kuritur u bqajna ma sibniex lil ħija, ommi u missieri ndunaw li xi ħaġa mhux f’postha u ommi bdiet tibki. Dan l-infermier resaq lejja, qabadni u għannaqni miegħu u ħadna f’kamra u qalli li Simon kien miet. Missieri ried akkost ta’ kollox imur jarah fil-kamra mortwarja, imma l-Pulizija żammewh. Aktar tard ħallewna narawh. Kien imfaxxat minn taħt għonqu ’l isfel.”

Jafu eżatt x’ġara?

Staqsejt lil Gordon jekk sarux jafu uffiċjalment x’kien ġara. Huwa qal li għamel xi żmien fejn anke hu mar jaħdem hemm u meta staqsa lil xi ħaddiema oħrajn qalulu li kien għad fadal xi fumes meta min kien responsabbli li jara li l-bastiment kien totalment ħieles minn kull tip ta’ kimika, dan ma kienx il-każ.

“Qaluli li kienu raw xi erba’ persuni barranin, x’aktarx Libjani, niżlin minn fuq il-vapur b’tankijiet f’idhom li kien fihom il-fuel. Kien għad fadal fuel jew le?”

Gordon qalli li minn kif qalulu xi nies li kienu t-Tarzna, mal-isplużjoni Simon ittajjar u ġie għal daru fuq kompressur.

Żagħżugħ bieżel

Mistoqsi x’tip ta’ karattru kellu Simon, Gordon qal li ħuh kien bniedem “tal-ġenn” jew kif jgħidu “bubbly”. Kien għarus u anke kellu post il-Mosta. Fil-fatt dik il-ġimgħa kien talab biex jaħdem dak ix-shift biex ikollu ħin imur jagħmel xi xogħol fil-post flimkien ma’ missieri s-Sibt filgħodu, l-għada li miet.

Gordon kompla jgħid li Simon kien żagħżugħ ħabrieki u qalbu tajba. Kien delettant tal-karozza u kien jieħdu miegħu Ħal Far biex jaraw it-tiġrijiet tal-kwart ta’ mil. Simon kien għamel xi żmien meta kien għadu żgħir jilgħab il-futbol u kien imur għat-taħriġ mat-tim ta’ Santa Venera.

Simon qalli li ħuh kien beda jistudja għal mekkanik tal-karozzi. Kif ħarġu l-applikazzjonijiet għall-apprentisti fit-Tarzna, kien applika u ġie aċċettat. Fil-fatt kien fit-tielet sena ta’ apprentistat u kien se jibda jieħu ż-żieda fil-paga u kien ferħan immens.

“Niftakar kien ħa parir mingħand missieri u missieri qallu biex jagħmel dak li jixtieq hu.”

L-anniversarju

Kull sena t-traġedja tal-Um El Faroud b’xi mod jew ieħor tiġi mfakkra. Din tiftaħ mill-ġdid il-ferita?

“M’hemmx għalfejn jasal it-3 ta’ Frar biex il-ferita terġa’ tinfetaħ. Il-memorja ta’ ħija tibqa’ hemm u hemm il-ħin kollu. Biżżejjed ngħaddi minn Bormla wkoll il-memorji koroh jerġgħu jiġu. Imma ħadna pjaċir li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla stedinna għaċ-ċerimonja li għamel għax nafu li Simon, flimkien ma’ sħabu li mietu miegħu intortament, qed jibqa’ jiġi mfakkar.”

Gordon kompla jgħid li kull sena jsiru xi quddies minn familji oħrajn u b’hekk baqgħu jżommu kuntatt. Barra minn hekk wieħed mill-vittmi, George Aquilina li kellu 24 sena minn Ħal Qormi, midfun faċċata fejn hemm Simon, u jew xi ħadd minn tal-familja tiegħu jew min-naħa tal-familja Pisani, meta jżuru l-qabar u jixegħlu xemgħa fuq iż-żewġ oqbra. F’dawn l-aħħar 20 sena x-xemgħa fuq il-qabar ta’ Simon qatt ma ntfiet.

Anthony Pisani, li ma’ dawk li jafuh sew isejħulu Ninu, huwa missier Simon. Illum Ninu għandu 74 sena filwaqt li martu Doris għandha 76 sena. Gordon qalli li missieru kien imur kuljum fuq il-qabar ta’ Simon. Xemx jew xita, bard jew sħana se tarah hemm. Issa li qed jikber u naqqas ftit għalkemm xorta għadu jmur.

Jiltaqgħu l-familja

Spiss Gordon, martu Rachelle u ż-żewġ uliedhom, kif ukoll ħuh Alex, imorru għand il-ġenituri tagħhom f’San Pawl il-Baħar. Ma jonqosx li f’xi ħin jew ieħor jitkellmu fuq Simon. 

“Pereżempju ommi taqleb l-ikel u tgħid – dan kien wieħed mill-platti favoriti ta’ Simon,” qalli Gordon li stajt ninnota għajnejh jimtlew bid-dmugħ.  

Huwa temm jgħidli li tilfu lil Simon meta kien għadu se jibda l-ħajja. “Kellu 22 sena biss. Għal ommi u missieri tilfu tifel żgħir. Jien tlift ħabib.”

More in Qrati u Pulizija