Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ uffiċjal tal-pulizija li omm priġunier għaddiet pakkett bid-drogi lil persuna akkużata f’awla tal-Qorti x-xahar li għadda.
Il-pulizija kienet qed tagħti x-xhieda fil-kumpilazzjoni tal-każ ta’ Jason Decelis li qed jiġi mixli b’pussess ta’ droga u li pprova jdaħħalha l-ħabs, wara li diġà qed jiskonta sentenza b’rabta mal-mewt ta’ Rachel Bowdler ta’ 18-il sena li fl-2001 instabet mejta kawża ta’ overdose, fejn hu ma kienx talab għall-għajnuna.
Fl-14 ta’ Jannar li għadda, meta kienu qed jinstemgħu l-kawżi kontra Decelis, ġie nnutat moviment suspettuż minn mara, li ġiet identifikata bħala Rita Zammit, omm priġunier li m’għandux konnessjoni mal-każ ta’ Decelis. Zammit dehret tgħaddi xi ħaġa lil Decelis waqt li kien qed jistenna li jinstema’ l-każ tiegħu. Wara li Zammit ikkonfermat min kien Decelis, poġġiet ħdejh u dehret toroġ xi ħaġa mill-basket tagħha u tgħaddiha fil-but tal-ġakketta ta' Decelis.
L-uffiċjal tal-pulizija qalet li meta marret biex tagħmel tfittxija fuq Zammit, ma sabet l-ebda droga, iżda Zammit stess ammettiet li għaddiet xi ħaġa lill-priġunier. Min-naħa l-oħra, Decelis ma wieġeb għall-ebda mistoqsija hekk kif instabet l-imsemmija droga meta saret tfittxija fuqu.