Illum, għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li tifel ta’ sitt snin kien sofra xi ġrieħi wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofsinhar, ġewwa residenza li tinsab fi Triq il-Kbira, Ħal Qormi.
Jidher li waqt li t-tifel kien ma missieru fuq il-bejt, tela’ fuq it-tamboċċ u għal xi raġuni l-ħġieġa tal-istess tamboċċ ċediet u t-tifel waqa’ għal isfel.
It-tifel ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr F Depascuale LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.