Għada se jinħatru 29 Spettur ġdid fil-Korp tal-Pulizija
Fadal 22 spettur ieħor li qed jistennew li jsiru Supretendenti
minn John Pisani
Għada, il-Ġimgħa waranofsinhar, mistennija ssir ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn il-Korp se jaħtar 29 septtur ġdid. Fost dawn hemm tlieta li se tkun l-ewwel darba għalihom bħala membri fil-Korp tal-Pulizija filwaqt li l-oħrajn se jkunu promossi kemm mir-rank ta’ surġent kif ukoll minn dak ta’ kuntistabbli.
Se jkun il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtá Nazzjonali, Carmelo Abela, li se jqassam iċ-ċertifikati tal-ħatra fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, uffiċjali oħrajn u qraba tal-ispetturi l-ġodda.
Nhar it-Tlieta fil-Parlament il-Ministru Abela qal li hemm 29 post vakant fir-rank ta’ Spettur li minn għada dawn se jimtlew. Barra minn hekk fil-Korp hemm 22 post vakant fir-rank ta’ Supretendenti. Il-Ministru Abela qal dan meta kien qed jirrispondi mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Il-Korp tal-Pulizija ilu snin jistenna biex isiru s-Supretendenti, imma l-proċess twaqqaf minħabba każ li fetaħ l-Ispettur Jeffrey Cilia li jinsab sospiż mill-Korp. Fid-9 ta’ Jannar 2014 il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talba li għamlilha Jeffrey Cilia biex jitwaqqaf il-proċess ta’ promozzjonijiet minn spetturi għal supretendenti.
Cilia lmenta li ma kienx informat b’żewġ ċirkolari li kienu jittrattaw il-ħatra ta’ supretendenti ġodda bil-konsegwenza li ma applikax.
L-Imħallef Joseph Zammit McKeon tah raġun u waqt li rrimarka li Cilia kellu dritt japplika għax għadu ma nstabx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fil-Qorti tal-Maġistrati, laqa’ l-mandat ta’ inibizzjoni biex jitwaqqaf il-proċess tal-promozzjonijiet. Kien fl-10 ta’ Diċembru 2013 li l-Ispettur Cilia, permezz tal-Avukat Edward Gatt, għamel talba proviżorja għall-mandat ta’ inibizzjoni li kien milqugħ b’mod temporanju. Huwa ħa dan il-pass wara li fit-28 ta’ Novembru 2013 kien diġà ppreżenta protest b’rabta mal-istess promozzjonijiet.
Cilia ġie sospiż wara li fit-23 ta’ Diċembru, 2011, kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli li fil-jum ta’ qabel sawwat tliet aħwa. Għalkemm wieġeb mhux ħati, dakinhar stess l-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kien bagħatlu ittra fejn informah li kien issospendih b’effett immedjat.
Fis-26 ta’ Diċembru tal-istess sena, Rizzo kiteb lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fejn talabha biex Cilia jitneħħa minn membru tal-Korp tal-Pulizija u fl-4 ta’ Mejju, 2012, is-Segretarju Permanenti Prinċipali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn qallu li kien ġie deċiż li Cilia jiġi interdett.
Fis-27 ta’ Novembru, 2012, u fid-9 ta’ Awwissu, 2013, ħarġu żewġ ċirkolari għal dawk l-ispetturi li xtaqu japplikaw għall-promozzjoni għal supretendenti madankollu Cilia ma rċevihomx u l-ispettur li bagħathom ammetta li mindu Cilia kien sospiż l-imejl tiegħu ġie sospiż ukoll.
B'hekk numru ta' Spetturi li kienu se jkunu promossi għal Supretendenti, għadhom qed jistennew u b'hekk il-Korp tal-Pulizija jinsab f'sitwazzjoni li għandu 22 Supretendent nieqes.