Il-Korp tal-Pulizija se jerġa’ jkompli jissaħħaħ b’100 kuntistabbli ġdid kif ukoll se jkun offrut kors fuq livell ta’ Diploma fil-qasam tal-Pulizija li 29 septtur ġdid.
Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt it-tnedija tal-kors fuq livell ta’ Diploma fil-qasam tal-Pulizija, li se jkun offrut lil 29 spettur ġdid, b’kollaborazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Università ta’ Malta. Dan huwa pass ieħor fil-ħidma li qed issir sabiex tiddaħħal il-kultura ta’ taħriġ kontinwu fuq livelli differenti u f’kull stadju tal-karriera tal-membri tal-Korp. Wieħed mill-oqsma li se jkun qed jingħata prominenza fit-taħriġ lill-membri tal-pulizija se jkun il-vjolenza domestika.
“Araw intom, x’tistgħu tagħtu lill-korp u mhux x’tistgħu tieħdu mill-korp,”, qal il-Ministru Abela waqt din it-tnedija. Huwa qal li dan il-kors, b’mod partikolari dawk il-membri li huma stazzjonati fl-għases, ikollhom il-ħiliet kollha meħtieġa biex jindirizzaw każijiet ta’ vjolenza domestika filwaqt li jiġi indirizzat il-bżonn li jissaħħaħ il-ko-ordinament bejn il-Pulizija u entitajiet oħrajn fis-soċjetà. B’hekk dawn il-vittmi, jkunu jistgħu jiġu referuti għandhom għal aktar għajnuna u appoġġ.
Il-Ministru Abela semma kif grazzi għall-proċess ta’ reklutaġġ li għaddej bħalissa, fil-qrib il-Forza se tkun qed tissaħħaħ b’ 100 kuntistabbli ġdid. Fiż-żmien li ġej se jkun qed jinħatar ukoll direttur tal-edukazzjoni fi ħdan l-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja biex jibdew jitħejjew pjani u programmi fil-qasam ta’ taħriġ b’mod ħolistiku.
B’hekk din l-Akkademja tinbidel f’kulleġġ tal-pulizija li tipprovdi ċertifikati akkreditati. “Il-viżjoni tagħna hija waħda ċara li trid twassalna biex l-irwol tal-uffiċjal tal-pulizija jiġi verament meqjus bħala professjoni u karriera. Irridu li din il-kariga tiġbed lejha aktar żgħażagħ li lesti li jaqdu d-doveri u d-dmirijiet tagħhom b’vokazzjoni u sens ta’ missjoni lejn is-servizz, lejn il-pajjiż u lejn iċ-ċittadini. B’impenn kontinwu rridu li l-Forza tibqa’ tippremja l-bżulija, l-integrità u l-lealtà lejn il-ħidma fis-servizz sabiex b’hekk tibqa’ tissaħħaħ il-fiduċja u l-kunfidenza tal-pubbliku fil-Korp,” qal il-Ministru Abela.
Għat-tnedija ta’ dan il-kors attendew ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Juanito Camilleri, id-Dekan tal-Fakultà tal-Ħarsien Soċjali Dr Maureen Cole u l-Kap tad-Dipartiment tal-Kriminoloġija Dr Jacqueline Azzopardi.