Xufier tal-Arriva ordnat iħallas €3,700 f'danni

Passiġġiera sofriet diżabbiltà permanenti

Passiġġiera ingħatat €3,700 wara li sofriet diżabbiltà permanenti fl-2012 meta kienet riekba f'bendy bus tal-Arriva li kienet involuta f'inċident tat-traffiku. Dan wara li x-xufier kien responsabbli minn dan l-inċident.

Rita Galea kienet fetħet kawża kontra Arriva Malta Limited u x-xufier tal-bendy bus, Mario Bugeja.

L-inċident seħħ fl-Imsida meta għal xi raġuni, Bugeja li kien impjegat tal-Arriva, waqqaf il-bendy bus f'daqqa. Bl-iskoss, Galea ħabtet rasha u b'konsegwenza ta' dan, għandha farrett permanenti fuq moħħha.

L-imħallef qal li Bugeja kien għafas il-brejk bis-saħħa tant li l-vittma weġġgħet rasha, li juri li kien qed isuq b'veloċità eċċessiva.

Il-farrett li ġarrbet il-vittma, jammonta għal 5% ta' diżabbiltà permanenti.

Il-Qorti ordnat lil Bugeja jħallas lil Galea €3,700 f'danni.

 

More in Qrati u Pulizija