Salesgirl tammetti li serqet ġojjelli

Ħaddiema f'ħanut ta' Sterling Jewellers ammettiet li serqet ġojjellerija mill-ħanut

Mara li taħdem bħala salesgirl f'ħanut tal-ġojjellerija ingħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li serqet ġojjellerija mill-post tax-xogħol tagħha, li tammonta għal eluf ta' ewro.

L-ispetturi Carlos Cordina u Trevor Micallef akkużaw lil Jo Anne Camilleri ta' 40 sena minn San Ġwann li serqet għal diversi drabi bejn Jannar u Marzu ta' sin is-sena.

Il-pulizija ddaħħlet fil-każ wara li s-sidien u l-managers bdew jinnutaw li l-istokk beda jisparixxi u s-suspett waqa' fuq is-salesgirl.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras semgħet kif il-pulizija sabet xi ġojjellerija fir-residenza tagħha, li tammonta għal madwar €3,500. Dawn il-ġojjelerija kienu jinkludu ċrieket, imsielet, ċpiepet u ġiżrajjen.

Camilleri ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha.

Camilleri ingħatat sentenza ta' sentejn sospiża għal erba' snin, meta l-maġistrat ikkunsidrat il-fatt li l-akkużata ammettiet li hi ħatja u li rritornat l-oġġetti misruqa.

More in Qrati u Pulizija