Missier akkużat mingħajr ma ntalbet il-verżjoni tiegħu

L-allegat każ ta’ aggressjoni fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar . . .

 

Fil-jiem li għaddew Josmar Agius ta’ 44 sena minn Marsaxlokk ressaq Protest Ġudizzjaru fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront tal-Prim Ministru, Ministru għall-Intern u l-Kummissarju tal-Pulizija - li din il-gazzetta għandha kopja tiegħu. Agius ressaq il-Protest Ġudizzjarju għaliex hu qatt ma ġie mitlub il-verżjoni tiegħu dwar każ li jmur lura għal nhar is-7 ta’ Ġunju 2013 fejn hu allegat li aggredixxa Surġent tal-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija f’Ħaż-Żabbar, allegazzjoni li hu qed jiċħad.

Josmar Agius ressaq il-Protest Gudizzjarju wara li fis-27 ta’ Frar li għadda kien servut b’avviż fejn ġie ordnat jidher għas-seduta ta’ nhar il-21 ta’ April 2015 u hemm jirrispondi għall-akkuża miġjuba kontra tiegħu – dik li ħebb għal uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Agius ħassu aggravat bl-aġir tal-Awtoritajiet kompetenti involuti u qed isostni li l-proċedura adottata fil-konfront tiegħu fiha nuqqasijiet proċedurali serji u għalhekk hi nulla għax hu fl-ebda ħin ma ġie mogħti l-opportunità li jagħti l-verżjoni tiegħu.

Il-każ kien spiċċa ballun politiku bl-Oppożizzjoni Nazzjonalista tisħaq li kien hemm indħil mill-eks Kummissarju Peter Paul Zammit biex il-każ fil-konfront ta’ Josmar Agius jitwaqqa’.

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Qrati u Pulizija