Resqu b’mutur u sparawlu diversi tiri

L-omiċidju ta’ “Pietru l-Ħaqqa” fiż-Żejtun fl-2014

Il-katavru ta’ Pietru Cassar waqt l-aċċess
Il-katavru ta’ Pietru Cassar waqt l-aċċess

Il-kwiet ta’ waranofsinhar fi Triq Santa Marija fiż-Żejtun, inkiser bi ħsejjes ta’ tiri ta’ arma tan-nar u ftit tal-ħin wara b’għajjat ta’ nies meta raw anzjan mitluq fl-art mejjet.  

Pietru Cassar, għażeb ta’ 67 sena miż-Żejtun magħruf bħala “Pietru l-Ħaqqa”, inqatel b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar, x’aktarx pistola semi-awtomatika kalibru 0.9mm nhar l-Erbgħa 12 ta’ Frar 2014. Il-qtil kiesaħ u biered ta’ Cassar kien it-tielet omiċidju fi spazju ta’ ftit aktar minn ġimgħa. Minn dawn wieħed biss huwa solvut, dak li seħħ fil-11 ta’ Frar meta Kristic Dragoljub minn Grocka fis-Serbja ta’ 27 sena nqatel b’daqqa ta’ mus f’qalbu f’appartament fil-Qawra. Il-Pulizija akkużaw lil Emil Atanasov, Bulgaru ta’ 27 sena b’dan il-qtil. L-omiċidju l-ieħor huwa dak ta’ Ġużi Galea fl-4 ta’ Frar, każ li ppubblikajna l-Ħadd li għadda. 

Il-qattiela x’aktarx kienu fuq mutur

Il-qtil ta’ “Pietru l-Ħaqqa” seħħ għall-ħabta tas-2.10pm, meta Cassar kien fil-garaxx tiegħu fi Triq Santa Marija fiż-Żejtun. Cassar kien jgħix f’dan il-garaxx fejn kien iqatta’ l-maġġoranza tal-ħin jaħdem bil-bieb magħluq jew imbexxaq biex ma jagħti l-ebda sodisfazzjon lil ħadd x’kien qiegħed jagħmel.

Dak il-ħin persuna jew persuni waqfu quddiem il-garaxx tal-anzjan. Mhux qed ikun eskluż li marru fuq il-post b’mutur minħabba li t-triq hija dejqa u ma kinux se jsibu ostaklu biex jaħarbu. Din it-triq tinsab viċin ħafna tal-Għassa tal-Pulizija u għalhekk il-qattiela ma ssugrawx li jsibu xi karozza ma’ wiċċhom u jeħlu. 

Peress li kif qalulna diversi persuni li Cassar kien iżomm il-bieb tal-garaxx magħluq, il-qattiela b’xi mod ġibdulu l-attenzjoni u kif resaq lejn il-bieb ġew sparati tlieta jew erba’ tiri fid-direzzjoni tiegħu. 

“Il-Ħaqqa” ntlaqat minn żewġ tiri, wieħed f’sidru u l-ieħor f’għonqu. Minn hemm il-qattiel jew qattiela ħarbu minn fuq il-post u ma dehrux aktar.

Minkejja li kien midrub, Cassar irnexxielu joħroġ mill-garaxx biex isejjaħ għall-għajnuna mingħand il-ġirien. Huwa niżel bilqegħda fuq għatba tad-dar li hemm faċċata tal-garaxx tiegħu fejn ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu u ftit wara waqa’ fl-art u miet. 

Kif xi ġirien raw lil Cassar ferut mal-art ċemplu għall-ambulanza. L-għajnuna medika ma damitx biex waslet fejn fuq il-post marret ambulanza b’infermiera. Fuq il-post kienu diġà marru l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, immexxijin mill-Ispettur Antoine Cilia u dawk tad-Distrett mill-Għassa taż-Żejtun.

L-Ispettur Chris Pullicino flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat jeżaminaw il-kadavru tal-anzjan
L-Ispettur Chris Pullicino flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat jeżaminaw il-kadavru tal-anzjan

Informati diversi uffiċjali

B’żewġ omiċidji fi ftit jiem, dak ta’ Galea fil-Marsa u dak ta’ Dragoljub fil-Qawra, il-Pulizija kienu f’sitwazzjoni xi ftit stressanti. 

Fuq il-post tal-qtil fiż-Żejtun ftit ftit bdew jaslu diversi uffiċjali fosthom l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina, is-Supretendent Sandro Gatt flimkien mal-Ispetturi tad-Distrett Johann Fenech u Carol Fabri. Marru wkoll iż-żewġ Deputati Kummissarji Pierre Calleja u Raymond Zammit, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta u l-Ispettur Chris Pullicino, li dak iż-żmien kien il-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji u l-Ispettur Joseph Mercieca mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. 

Aktar tard mar ukoll l-Ispettur Keith Arnaud ukoll mill-Iskwadra tal-Omiċidji li fil-ħin li seħħ dan il-qtil kien għadu l-Qorti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Dragoljub fil-Qawra.

Jinġabru n-nies fosthom dawk qrib tal-vittma

Minkejja li t-12 ta’ Frar kienet ġurnata kiesħa u anke bi ftit xita, ma naqsux in-nies li nġabru biex jaraw x’ġara. Fost dawn kien hemm nies li kienu qrib ta’ Cassar. Ftit metri ’l bogħod minn fejn seħħ id-delitt kien hemm ħuh kif ukoll Ġuża Saliba ta’ 66 sena li għal xi żmien kienet tgħix mal-vittma kif ukoll Maria Grech ta’ 38 sena, it-tnejn miż-Żejtun. 

“Kien iħobbni qisni bintu,” instemgħet tgħid Maria Grech b’rogħda fuqha kemm minħabba x-xokk li kellha fuqha, kif ukoll bil-bard. 

Min-naħa tagħha Ġuża Saliba qaltli li l-aħħar li kienet rat lil Pietru kienet il-ġurnata ta’ qabel, it-Tlieta 11 ta’ Frar, ftit qabel it-8.00am. Hija xtaqet tmur tarah imma dan ma kienx possibbli minħabba l-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin.

Il-Pulizija għalqu l-aċċess għat-triq biex tkun preservata x-xena tar-reat fejn l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat bdew jelevaw kull traċċa fosthom skrataċċ. 

Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Claire Stafrace Zammit, marret personalment fuq il-post tal-omiċidju fejn mexxiet l-aċċess u ħatret diversi esperti fosthom lill-Perit Richard Aquilina, lit-Tabib Forensiku Mario Scerri u lill-espert ballistiku l-Brigadier Maurice Calleja.

Għalkemm il-Pulizija ma ħallew lil ħadd jgħaddi, kelb żgħir irnexxielu jevita l-attenzjoni tal-Pulizija u wasal sa ħdejn il-katavru ta’ Cassar li kien mitluq wiċċu ’l fuq ħdejn bieb ta’ residenza faċċata tal-garaxx tiegħu.

Uffiċjal tax-Xena tar-Reat jeleva skartoċċ ta’ bullet
Uffiċjal tax-Xena tar-Reat jeleva skartoċċ ta’ bullet

Seta’ kien qed jistenna lil xi ħadd

“Ngħaddi kemm ngħaddi minn hemm, dak il-garaxx dejjem magħluq ikun. Anke jekk kien ikun qed jaħdem fih, il-bieb qatt ma rajtu miftuħ,” kienet kwotata li qalet waħda mill-ġara ta’ Pietru Cassar.

“Kont narah għaddej bir-rota daqqa ’l hawn u daqqa ’l hemm. Imma l-garaxx dejjem kien ikun bil-bieb magħluq,” qalet ġara oħra.

Dan kollu wassal biex tqum il-mistoqsija jekk dakinhar li seħħ il-qtil, “Pietru l-Ħaqqa” kienx qed jistenna lil xi ħadd li kien sejjer għandu, u kif ħabtulu l-bieb u mar jiftaħ, sab lill-qattiela ma’ wiċċu.

Il-Pulizija mxew fuq diversi teżi dwar il-mottiv ta’ dan il-qtil. Jidher li l-investigazzjonijiet iffukaw fuq xi telefonati li saru fosthom dakinhar stess tal-każ biex jaraw jekk Cassar kienx irċieva xi telefonati li setgħu jindikaw jekk dan kellux xi appuntament ma’ xi ħadd.

Splussiv u armi fil-garaxx ta’ Cassar

Għalkemm “Pietru l-Ħaqqa” kien magħruf mal-Pulizija, persuni li kienu jafu sew lil Cassar u li huma midħla taż-Żejtun, kienu qaluli li fil-passat Cassar kien ġie arrestat fuq xi reati u anke fuq suspetti ta’ reati serji bħal hold-ups. Iżda, saħqu l-istess sorsi, “il-Ħaqqa” minn dejjem kien bniedem fin u intelliġenti u qatt ma kien faċli għall-Pulizija li jkollhom każ sod kontrih fil-Qorti dwar dawn ir-reati gravi.

Erba’ xhur qabel ma nqatel, nhar is-Sibt, 20 ta’ Ottubru 2013, il-Pulizija kienu għamlu tfittxija fl-istess garaxx li fih inqatel Cassar. 

Dakinhar il-Pulizija kienet waslitilhom informazzjoni li fil-garaxx ta’ Cassar seta’ kien hemm oġġetti suspettużi b’konnessjoni mal-isplussiv. Il-Pulizija kellhom ukoll suspett li Cassar seta’ kellu x’jaqsam mal-attentat fuq il-ħajja ta’ Paul Degabriele, magħruf bħala ‘s-Suldat’ meta fil-bidu ta’ Ottubru 2012 xi ħadd poġġa bomba taħt il-vettura tiegħu li kienet ipparkjata qrib ir-residenza tiegħu fi Triq 14 ta’ Diċembru 1945. Din kienet tneħħiet mill-membri tal-Explosive Ordinance Disposal (EOD) tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Għaldaqstant qabel ma bdiet it-tfittxija fil-garaxx ta’ Cassar, bħala prekawzjoni, is-suldati mit-Taqsima tal-EOD kienu għamlu tfittxija intensiva. 

“Il-Ħaqqa” waqt tfittxija li kienet saret fil-garaxx tiegħu f’Ottubru 2013
“Il-Ħaqqa” waqt tfittxija li kienet saret fil-garaxx tiegħu f’Ottubru 2013

Waqt din it-tfittxija l-Pulizija u s-suldati kien sabu oġġetti perikolużi u mhux biss dak li marru jfittxu. Fil-fatt, fil-garaxx kien sabu wkoll bomba taż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija fejn kien allegat ukoll li nstab ukoll materjal li jintuża biex isiru l-bombi li ma kienx biss materjal pirotekniku. Waqt l-istess tfittxija nstabu wkoll armi tan-nar fosthom żewġ revolvers u pistola kif ukoll xi munizjon mhux liċenzjati. 

Għaldaqstant meta l-Pulizija kienu se jibdew jinvestigaw il-qtil ta’ Pietru Cassar, kemm minħabba l-passat tiegħu u l-fatt li erba’ xhur qabel kien instab materjal splussiv, reġgħu ssejħu l-membri tal-EOD tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll mit-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija qabel ma l-investigaturi daħlu biex jispezzjonaw il-garaxx. Il-karozza tal-vittma wkoll ġiet elevata mill-Pulizija.

“Il-Ħaqqa” minn dejjem kien bniedem fin u intelliġenti u qatt ma kien faċli għall-Pulizija li jkollhom każ sod kontrih fil-Qorti

Tfittxijiet intensivi fiż-Żejtun u Wied il-Għajn

Fil-jiem ta’ wara l-qtil ta’ Cassar il-Pulizija, l-aktar dawk tal-Forensika, komplew jiflu kull rokna tal-garaxx tal-vittma. 

Meta reġgħu marru fi Triq Santa Marija, l-Pulizija ħarġu kulma kien hemm fil-garaxx. Fost l-affarijiet li stajna naraw kien hemm roti tat-tfal, għodda, sett tat-televiżjoni, imqadef tad-dgħajjes u diversi oġġetti oħrajn. L-uffiċjali tax-Xena tar-reat eżaminaw kull biċċa li kien hemm anke diversi kaxxi tal-kartun u laned. 

Meta t-tfittxija kompliet tintensifika, instabu oġġetti li qajmu interess fil-Pulizija. Dawn kienu partijiet li kienu jindikaw li Cassar kien jagħmel armi tan-nar. Sorsi li tkellmu miegħi qaluli li Pietru kien bniedem li kif ngħidu bil-Malti – “Dak li jaraw għajnejh, jagħmlu b’idejh”. Kien intelliġenti - u mix-xejn kien jaf jagħmel arma.

L-investigaturi dehru wkoll fi Triq Roża f’Wied il-Għajn jagħmlu tfittxija f’garaxx. Għalkemm il-Pulizija ma kinux ikkonfermaw jekk dawn it-tfittxijiet f’Wied il-Għajn kinux marbuta mal-qtil ta’ Pietru Cassar u jekk kinux sabu xi ħaġa li setgħet tgħinhom fl-investigazzjonijiet tagħhom, sorsi qalulna li fil-fatt din kienet parti mill-operazzjoni.

F’rapporti li dehru fil-media kien intqal li waqt it-tfittxija fil-garaxx fi Triq ir-Roża, x’aktarx li kienet instabet arma. Din l-aħbar la qatt kienet ikkonfermata u lanqas miċħuda. Ma ntqalx anqas jekk l-arma kinitx marbuta mal-qtil fiż-Żejtun jew xi qtil ieħor. 

Anke hawn kienu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha fejn l-ewwel saret tfittxija kemm mis-suldati tal-EOD kif ukoll mill-klieb tal-Pulizija għal xi splussiv li seta’ kien hemm.

Mhux eskluża konnessjoni ma’ omiċidji oħrajn

Fl-istess rapporti kien intqal ukoll li l-Pulizija ma kinitx eskludiet li l-qtil ta’ “Pietru l-Ħaqqa” seta’ kien marbut ma’ sensiela ta’ omiċidji oħrajn li kienu seħħew qabel – liema omiċidji huma simili. Fost dawn kien hemm dak ta’ Ġużeppi Galea magħruf bħala “l-Ġilda”, li nqatel tmint ijiem qabel Cassar, fl-4 ta’ Frar quddiem ir-residenza tiegħu fil-Marsa. L-omiċidji l-oħra li seħħew fi spazju ta’ ftit sigħat kienu ta’ Yosef Grech, “il-Yo Yo” f’Baħar iċ-Ċagħaq, ta’ Joseph Cutajar magħruf bħala “l-Lion” fil-Mosta nhar it-12 ta’ Frar 2012 u dak ta’ Paul Degabriele magħruf bħala “s-Suldat” li nqatel fil-31 ta’ Mejju 2013 fil-Marsa. F’dawn l-omiċidji dejjem intużaw armi tan-nar.

Difna

Minkejja li kienet saret l-awtopsja fejn irriżulta dak li kien ovvju, ċioè li Cassar miet kawża ta’ feriti gravi kkawżati minn arma tan-nar, il-katavru tiegħu baqa’ jinżamm fil-kamra mortwarja.

Kien aktar minn xahrejn wara li l-Maġistrat inkwerenti rrilaxxat il-katavru biex setgħet issir id-difna ta’ Pietru Cassar “il-Ħaqqa”. 

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. 

More in Qrati u Pulizija