Raġel ta’ 44 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li ammetta li pparteċipa f’ attivitajiet sesswali ma’ tfal taħt l-età permezz tal-internet.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużat, li ismu ma jistax jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-vittmi, ammetta li kkorrompa żewġt itfal subien ta; 12–il sena u 13–il sena matul April u x-xhur ta’ qabel.
Huwa mifgħum li r-raġel diġà kien ingħata sentenza sospiża ta’ ħabs fuq inċident simili, u li saħansitra kien magħruf bħala trasgressur sesswali.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale sema’ kif l-imputat kien qed jagħmel attivatijiet sesswali bl-internet permezz ta’ chatting u Skype. Ir-raġel ammetta wkoll li kellu fil-pussess tiegħu ritratti indiċenti ta’ tfal taħt l-età, wara li dawn instabu fuq kompjuter li kien inġabar mill-pulizija fl-investigazzjoni tagħha.
Il-Maġistrat Depasquele sab lir-raġel ħati wkoll li kiser sentenza sospiża u għalhekk daħħal fis-seħħ din is-sentenza u kkundannah għal piena totali ta’ ħames snin ħabs. Ir-raġel tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil, filwaqt li l-Avukat Alfred Abela deher għall-imputat.