Persuni rrapportati nieqsin u għadhom neqsin
Nuqqas ta’ kopperazzjoni mill-Pulizija
More in Qrati u Pulizija
Nuqqas ta’ kopperazzjoni mill-Pulizija
Din il-gazzetta xtaqet tagħti informazzjoni dwar kemm ġew irrapportati persuni Maltin neqsin u li sal-lum għadhom ma nstabux. Għaldaqstant tlabna l-għajnuna tal-Korp tal-Pulizija, iżda sfortunatament ma sibnix il-kooperazzjoni li xtaqna biex inwasslu lill-qarrejja tagħna din l-informazzjoni.
L-ewwel talba li għamilna kienet fid-19 ta’ Frar 2015 fejn bagħtna din l-email, kif ġejna mitlubin nagħmlu, lill-uffiċċju tas-CMRU:
“Sinjuri,
Għandi bżonn lista ta’ persuni li ġew irrapportati nieqsin bejn l-1970 sal-lum u li s’issa għadhom neqsin.
Jekk huwa possibli għandi bżonn inkun naf l-isem u kunjom tal-persuna nieqsa, meta ġiet irrapportata nieqsa, l-età u minn fejn hi l-persuna.
Grazzi tal-kooperazzjoni u tislijiet”
Dakinhar stess ħadna din ir-risposta:
“REF: POP1570/03/30
Sur Pisani,
It-talba tiegħek qiegħda tiġi pproċessata.
Tislijiet,
WPC176 Sloune Gatt Fabri - CMRU”
Ġimgħa wara, fis-26 ta’ Frar, bagħtna email oħra biex infakkruhom u meta ma smajna xejn, fl-10 ta’ April erġajna bagħtna tfakkira oħra li kien jgħid hekk:
“Sinjuri,
B’referenza għat-talba tiegħi dwar persuni rrapportati neqsin (REF: POP1570/03/30) liema talba għamiltha fid-19 ta’ Frar 2015 (kważi tliet ġimgħat ilu) u ‘reminder’ fis-26 ta’ Frar, s’issa għadni ma rċevejtx id-dettalji li tlabt.
Grazzi tal-kooperazzjoni u tislijiet.”
Anke hawn ir-risposta kienet immedjata u kienet tgħid hekk:
“Ref no: POP1570/03/30
John,
It-talba tiegħek għadha qed tiġi pproċessata.
Tislijiet,
WPS 96 Rodienne Bartolo.”
Fil-jiem ta’ wara l-Ispettur Graziella Muscat, li tmexxi l-uffiċċju tas-CMRU, kienet ġentili ħafna u ċemplitli fejn informatni li l-persuna responsabbli biex ittini l-informazzjoni mitluba, qegħda fuq ġimgħa btala u kif tiġi lura se jkunu jistgħu jagħtuni l-informazzjoni mitluba.
Minn dakinhar għaddew aktar minn ġimgħatejn u aktar minn xahrejn mit-talba oriġinali, u s’issa għadna mingħajr risposta. Ma nafux jekk il-Pulizija li marret fuq btala jekk ġiet lura jew le jew jekk hix “persuna oħra rrapportata nieqsa.”
Il-Lista tal-persuni nieqsa ġbarniha xorta u tinsab fil-ħarġa tal-ILLUM