Nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-Pulizija
Persuni rrapportati neqsin u għadhom neqsin
minn John Pisani
Din il-gazzetta xtaqet tagħti informazzjoni dwar kemm ġew irrapportati persuni Maltin neqsin u li sal-lum għadhom ma nstabux. Għaldaqstant tlabna l-għajnuna tal-Korp tal-Pulizija, iżda sfortunatament ma sibnix il-kooperazzjoni li xtaqna biex inwasslu lill-qarrejja tagħna din l-informazzjoni.
L-ewwel talba li għamilna kienet fid-19 ta’ Frar 2015 fejn bagħtna din l-email, kif ġejna mitlubin nagħmlu, lill-uffiċċju tas-CMRU:
“Sinjuri,
Għandi bżonn lista ta’ persuni li ġew irrapportati nieqsin bejn l-1970 sal-lum u li s’issa għadhom neqsin.
Jekk huwa possibli għandi bżonn inkun naf l-isem u kunjom tal-persuna nieqsa, meta ġiet irrapportata nieqsa, l-età u minn fejn hi l-persuna.
Grazzi tal-kooperazzjoni u tislijiet”
Dakinhar stess ħadna din ir-risposta:
“REF: POP1570/03/30
Sur Pisani,
It-talba tiegħek qiegħda tiġi pproċessata.
Tislijiet,
WPC176 Sloune Gatt Fabri - CMRU”
Ġimgħa wara, fis-26 ta’ Frar, bagħtna email oħra biex infakkruhom u meta ma smajna xejn, fl-10 ta’ April erġajna bagħtna tfakkira oħra li kien jgħid hekk:
“Sinjuri,
B’referenza għat-talba tiegħi dwar persuni rrapportati neqsin (REF: POP1570/03/30) liema talba għamiltha fid-19 ta’ Frar 2015 (kważi tliet ġimgħat ilu) u ‘reminder’ fis-26 ta’ Frar, s’issa għadni ma rċevejtx id-dettalji li tlabt.
Grazzi tal-kooperazzjoni u tislijiet.”
Anke hawn ir-risposta kienet immedjata u kienet tgħid hekk:
“Ref no: POP1570/03/30
John,
It-talba tiegħek għadha qed tiġi pproċessata.
Tislijiet,
WPS 96 Rodienne Bartolo.”
Fil-jiem ta’ wara l-Ispettur Graziella Muscat, li tmexxi l-uffiċċju tas-CMRU, kienet ġentili ħafna u ċemplitli fejn informatni li l-persuna responsabbli biex ittini l-informazzjoni mitluba, qegħda fuq ġimgħa btala u kif tiġi lura se jkunu jistgħu jagħtuni l-informazzjoni mitluba.
Minn dakinhar għaddew aktar minn ġimgħatejn u aktar minn xahrejn mit-talba oriġinali, u s’issa għadna mingħajr risposta. Ma nafux jekk il-Pulizija li marret fuq btala jekk ġiet lura jew le jew jekk hix ‘persuna oħra rrapportata nieqsa’.
Għaldaqstant għamilna kif stajna u ġbarna informazzjoni kif stajna biex nippruvaw nagħtu servizz lill-qarrejja tagħna. L-unika lista li sibna ta’ persuni Maltin irrapportati neqsin tkopri l-perjodu ta’ bejn l-4 ta’ Awwissu 1970 u d-29 ta’ Jannar 2011. F’dan il-perjodu kien hemm 23 persuna li qatt ma dehru aktar fosthom erba’ minorenni, żewġ tfajliet u żewġ ġuvintur.
Fis-sena 1970 kien hemm żewġ każi ta’ persuni rrapportati neqsin. Dawn kienu Evelyn Attard ta’ 16-il sena mill-Belt li naqset fl-4 ta’ Awwissu u Carmelo Schembri ta’ 50 sena mill-Gżira li naqas fis-7 ta’ Frar.
Anke fl-1973 kien hemm żewġ persuni li naqsu u dawn kienu Rose Gatt ta’ 17-il sena mill-Gżira li naqset fit-28 ta’ Novembru u George Cauchi, żagħżugħ ta’ 16-il sena mir-Rabat, Għawdex li kien irrapportat nieqes fit-28 ta’ Diċembru.
Raġel u mara kienu rrapportati neqsin fl-1978. Jane Carbonaro ta’ 48 sena minn San Ġiljan naqset fit-28 ta’ Frar u Ricardo Fontan ta’ bejn id-39 sena u t-42 sena naqas fl-10 ta’ Ġunju. Dwar dan ma sibnix minn fejn hu.
Fis-sena 1981 kien hemm każ wieħed, dak ta’ M’Grace Farrugia ta’ 22 snea mill-Birgu li naqset fil-25 ta’ Awwissu filwaqt li s-sena ta’ wara, fl-1982 kienu żewġ persuni mill-Belt li ġew irrapportati neqsin. Dawn huma Frank Mercieca ta’ 16-il sena li naqas fis-7 ta’ Frar u Mario Calleja ta’ 23 sena li naqas fil-11 ta’ Ġunju.
Michael Zammit ta’ 25 sena mill-Gżira ġie rrapportat nieqes fl-20 ta’ Ottubru 1984 u Louis Scicluna ta’ 42 sena minn Ħal Tarxien naqas fl-4 ta’ Mejju 1985.
Fl-1987 ġie rrapportat nieqes l-iktar persuna anzjana fil-lista, Angelo Xuereb ta’ 64 sena minn Marsascala li naqas fil-21 ta’ Novembru 1987 filwaqt li s-sena ta’ wara, fl-1988, naqsu żewġt irġiel oħra - Paul Mizzi ta’ 23 sena mir-Rabat, Għawdex li naqas fit-12 ta’ Ottubru u Taddeo Mifsud ta’ 39 sena miż-Żejtun.
Michael Scerri ta’ 35 sena, li wkoll ma nafux minn fejn hu, naqas fit-23 ta’ Settembru 1990.
Bejn l-1990 u l-2001 ma kienx hemm rapporti ta’ persuni neqsin sakemm fit-18 ta’ Frar 2002 naqas Joseph Attard ta’ 40 sena mir-Rabat, Għawdex.
Fis-17 ta’ Jannar 2006 kien irrapportat nieqes Abdallah Bouzidi ta’ 36 mill-Floriana u fid-9 ta’ Maarzu 2007 naqas Ali A. Elbakoush mill-Belt.
L-2008 rat raġel u mara li ħarġu mid-dar u baqgħu ma marrux lura. Samuel Dalli ta’ 35 sena miż-Żurrieq naqas fil-11 ta’ Jannar filwaqt li Charlene Farrugia ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar naqset fis-6 ta’ Novembru.
Herbert Mercieca ta’ 34 sena mir-Rabat, Malta, naqas fil-11 ta’ Jannar 2009 u Jeremy Ciantar ta’ 29 sena minn Tas-Sliema kien irrapportat nieqes fis-7 ta’ Settembru 2010. Il-lista li ksibna tagħlaq b’raġel ieħor meta fid-29 ta’ Jannar 2011 naqas Anthony Spiteri ta’ 31 minn San Ġwann.