Hold-up ippjanat tajjeb li fih insterqu aktar minn €175,000
Is-Serqa tal-Pagi tat-Tarzna fl-1948 - L-ewwel parti
minn John Pisani
L-awtur u eks membru tal-Korp tal-Pulizija, Eddie Attard, huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa riċerkaturi f’Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-kriminalità f’pajjiżna. Grazzi għal Eddie Attard illum se nibda bl-ewwel parti ta’ waħda mill-akbar serqiet f’Malta li minkejja li għaddew 67 sena baqgħet famuża li fiha kienu nsterqu l-pagi tal-ħaddiema tat-Tarzna. Hold-up li kien ippjanat tajjeb, imma li fih, il-ħallelin xorta kienu arrestati u tressqu l-Qorti.
Fl-ewwel parti, minn ħamsa, illum se naraw fost oħrajn kif twettaq dan il-famuż hold-up.
Jitwaqqaf trakk tan-Navy mimli flus
Eddie Attard jgħid li mingħajr l-ebda dubju, is-serqa li l-aktar li qajmet għagħa f’pajjiżna kienet dik li saret nhar il-Ħamis, 22 ta’ April 1948 u li baqgħet magħrufa wkoll bħala “Is-Serqa tat-Tarzna jew tad-Dockyard” minkejja li ma saritx fit-Tarzna proprja. Baqgħet magħrufa hekk minħabba li l-flus li nsterqu f’hold-up klassiku kienu l-pagi tal-ħaddiema tat-Tarzna fi żmien fejn kulħadd kien jitħallas fi flus kontanti.
Dakinhar filgħodu, trakk tan-Navy Ingliża kien mar il-Belt fil-fergħa tal-Barclays Bank fi Triq ir-Repubblika, li dakinhar kienet tissejjaħ Strada Rjali, minn fejn inġabret is-somma ta’ £126,740 (€175,438 kieku kellhom jissarfu llum), fi flus kontanti li kienu l-pagi għall-ħaddiema kollha tat-Tarzna. Għal dak iż-żmien din kienet somma kbira ħafna meta tqis li l-pagi kienu ta’ madwar £2 fil-ġimgħa.
Is-serqa saret għall-ħabta tal-10.30am fejn rapporti li dehru fil-ġurnali kienu rrapportaw li tnejn mill-ħallelin kienu libsin uniformi tal-Pulizija, imma dawn kienu rapporti żbaljati peress li fis-serqa ma ntużaw l-ebda uniformijiet.
Is-serqa
Il-ħallelin kienu f’karozza tal-għamla Studebaker li, sidha kien għamel ftehim mal-ħallelin li fih kellu suppost jagħmel rapport mal-Pulizija li l-karozza tiegħu ġiet misruqa. Fil-verità iżda l-kriminali kienu ssellfuha mingħand sidha li kien jaf li biha kienet se ssir is-serqa.
Il-ħallelin kienu armati b’revolvers u machine gun…
Il-ħallelin qagħdu jistennew il-wasla tat-trakk tan-Navy ħdejn il-pitkalija tal-Marsa, dik li kien hemm ftit ’l isfel minn fejn illum hemm il-kappella tal-MUSEUM fi Blata l-Bajda. Peress li f’dak iż-żmien Triq Diċembru 13 ma kinitx għadha teżisti, it-traffiku għal Raħal Ġdid kien jgħaddi minn quddiem il-Knisja tat-Trinità tal-Marsa.
Hekk kif it-trakk bil-flus wasal quddiem din il-Knisja, il-ħallelin, li kienu tlieta, saqu għal warajh u komplew isegwuh sakemm wasal fit-telgħa ta’ Kordin fejn illum hemm l-MCAST. Kif it-trakk kien qed jinstaq fid-direzzjoni ta’ Kordin, is-sewwieq tal-karozza bil-ħallelin fiha resaq viċin ħafna mat-trakk tan-Navy min-naħa tal-lemin tant li trakka miegħu b’konsegwenza li s-sewwieq tat-trakk kellu jnaqqas mill-veloċità. Kif il-ħallelin qabżu lit-trakk, il-ħallelin waqfu quddiem it-trakk u għalqulu t-triq.
B’hekk il-karozza tal-ħallelin impediet il-passaġġ u s-sewwieq tat-trakk, Manwel Conti minn Tas-Sliema, ma kellux għażla oħra ħlief li jieqaf ħesrem. Sadanittant f’nofs it-triq ħdejn il-mina ta’ Bormla kompliċi ieħor suppost kellu jieħu ħsieb li jpoġġi tabella bis-sinjal ‘No Entry’ biex it-traffiku li kien ġej mid-direzzjoni ta’ Bormla ma jkunx jista’ jgħaddi u b’hekk il-ħallelin ma jkollhom lil ħadd ifixikilhom kif ukoll inqas xhieda. Imma min kien imqabbad biex ippoġġi din it-tabella għal xi raġuni m’għamilhiex.
Hekk kif it-trakk tan-Navy waqaf ħesrem, il-ħallelin ħarġu mill-karozza. Dawn kellhom wiċċhom mgħotti b’imkatar, bi xkora u ieħor kellu għata oħra ma’ wiċċu. Il-ħallelin kienu armati b’revolvers u machine gun li minnufih ippuntawhom lejn Conti. Miegħu fl-istess vettura kien hemm il-kap messaġġier tal-uffiċju tal-cash tat-Tarzna, John Debarro, ċertu Papagiorcopolo li kien l-assistent kaxxier tat-Tarzna u l-iskorta magħmula minn tliet baħrin Ingliżi, Leading Stoker Cocks u Able Seamen J. Holis u L. Manteville. Dawn kienu armati biss b’bajjunetta u għalhekk ftit setgħu joffru reżistenza jew joffru xi tip ta’ theddida għall-ħallelin li kienu armati b’armi tan-nar.
Il-ħallelin ordnaw li dawk li kienu fit-trakk biex jinżlu u jitbiegħdu minnu, filwaqt li t-tliet kriminali telgħu fit-trakk u ħarbu fid-direzzjoni ta’ Ħal Tarxien u abbandunaw il-karozza li marru biha fuq il-post tar-reat. Qabel ħarbu wieħed mill-ħallelin spara xi tiri fl-ajru biex ibeżża’ lill-baħrin Ingliżi.
Imorru uffiċjali għoljin tal-Pulizija fuq il-post tas-serqa
Hekk kif il-Pulizija kienu infurmati b’din is-serqa, marru fuq il-post diversi uffiċjali għoljin tal-Pulizija fejn twaqqaf it-trakk u fejn ħallew lill-vittmi f’Raħal Ġdid.
Dak iż-żmien il-Kap tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali kien is-Supretendent Manwel Calleja, filwaqt li Joseph Ullo, kien il-Kummissarju tal-Pulizija. Għall-ewwel kien maħsub li l-kriminali setgħu kienu barranin, jew minn persuni li kellhom l-intenzjoni jitilqu minn Malta wara s-serqa. Għaldaqstant saret għassa stretta kemm fl-ajurport kif ukoll fil-portijiet.
Il-Pulizija kienu wettqu tfittxija intensiva fir-residenza ta’ Manwel Conti, is-sewwieq tat-trakk li l-Pulizija ssuspettaw li seta’ kien kompliċi fis-serqa. Waqt din it-tfittxija kienu wkoll elevaw is-saqqijiet mid-dar ta’ Conti, li dak iż-żmien kienu tal-ħaxixa, biex ifittxu fihom.
Eddie Attard qalli li min kien jaf lil Conti kollha ddiskrvewh bħala raġel tal-affari tiegħu ħafna, tant li kien hemm minn ikkritika bl-aħrax il-mod kif il-Pulizija aġġixxiet ma’ Conti u li dak li għamlu l-Pulizija kien ta’ għajb.
Fil-fatt it-tfittxija rriżultat fin-negattiv u Conti ma kienx baqa’ aktar suspettat.
L-Awtoritajiet Navali kienu offrew is-somma ta’ £5,000 lil min jagħti informazzjoni fejn setgħu nħbew il-flus misruqin.
Jinstab it-trakk abbandunat
L-ewwel żvilupp dwar din is-serqa kien is-sejba tat-trakk tan-Navy Ingliża li fuqu sar il-hold-up. Dan instab abbadunat f’Wied is-Sewda, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ, post li anke fil-passat riċenti mhux l-ewwel darba li l-Pulizija sabu vetturi abbandunati wara xi reat.
Din l-informazzjoni kienet waslet għand il-Pulizija madwar 45 minuta wara li seħħet is-serqa. Kien għall-ħabta ta’ 11.45 am tat-22 ta’ April 1948 meta Salvu Borg minn Ħaż-Żebbuġ informa lill-Pulizija li f’Wied is-Sewda kien ra trakk tan-Navy li minnu ra niżlin tnejn min-nies b’xi affarijiet f’idejhom. Borg qal li għamel xi ħin jistenna lil dawn in-nies, li ma kienx jaf min kienu. Meta dawn telqu minn fuq il-post, Borg resaq lejn it-trakk biex jara kienx hemm xi ħadd fih, iżda ma kien hemm ħadd. Aktar tard, f’bir f’għalqa fl-istess inħawi l-investigaturi sabu par ingwanti u inċirata tax-xita li f’wieħed mill-bwiet ta’ din l-inċirata kien hemm revolver imgeżwer f’biċċa ċarruta ħadra.
Jissokta l-ġimgħa d-dieħla bit-tieni parti
Fil-ħarġa tal-ġimgħa d-dieħla nkomplu bit-tieni parti ta’ din is-serqa fejn naraw kif il-Pulizija waslitilha informazzjoni dwar il-ħallelin, jekk instabux il-flus, min tkellem, aktar dettalji u aktar ritratti.