Żagħżugħ ta' 23 sena mmultat talli attakka pulizija pajżana

Christian Zammit ta' 23 sena minn San Pawl il-Baħar ġie akkużat li attakka żew pulizija

Żagħżugħ ta' 23 sena minn San Pawl il-Baħar ġie mmultat wara li ammetta li attakka żewġ pulizija f'bar f'San Ġiljan.

L-ispettur Daryl Borg ressaq lil Christian Zammit fuq akkużi li hedded uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom, irreżista b'mod vjolenti l-arrest, m'obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija u attakka żewġ uffiċjali. Ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika.

Fil-Qorti nstema' kif waqt li kien qed jixrob f'bar f'Settembru tal-2013, Zammit li kien xurban f'dak il-ħin, tfixkel u waqa fuq mejda, b'konsegwenza li waqqa' x-xorb li kien hemm fuqha. Minħabba f'hekk, inqalgħet ġlieda u żewġ pulizija pajżana li inzertaw kienu fil-bar dak il-ħin, intervjenew sabiex jikkalmaw is-sitwazzjoni. Minkejja san, Zammit beda jhebb għall-pulizija pajżana u ġie arrestat. Hu kompla jgħajjat u jilmenta meta kien fil-vann tal-pulizija.

Zammit wieġeb li hu ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera mmultatu €500 għal dan, meta ġie kkunsidrat li kellu rekord kriminali 'pjuttost nadif'.

More in Qrati u Pulizija