Il-ġudikatura u l-influwenza mill-opinjoni pubblika
Fid-dawl tal-aħħar każijiet ta’ kaċċa llegali, bosta sostnew li dawn kienu affettwati mix-xejra sensazzjonalista tal-pajjiż
minn Christa Boffa
Hekk kif ingħatat is-sentenza li ngħatat lil Kirsten Mifsud mill-Maġistrat Francesco De Pasquale mressaq il-qorti akkużat li spara fuq spanjulett, liema tajra protetta spiċċat f’bitħa ta’ skola, bosta bdew jesprimu l-opinjoni tagħhom voċifera dwar dak li ġara – dwar kif persuna li spara fuq għasfur jingħata sena ħabs u €5,000, meta mbagħad f’diversi każijiet ta’ reati meqjusa “aktar serji”, il-pieni jkunu inqas ħorox. Bosta sostnew li bħal donnu l-ġudikatura tiġi affettwata mix-xejriet li jkun hemm fil-pajjiż dak iż-żmien, forsi ħtija xi ftit jew wisq ta’ sensazzjonaliżmu li ma jonqos qatt f’pajjiżna.
Wieħed irid jara l-kriterji li jwasslu għall-piena
Il-gazzetta ILLUM ħadet il-kummenti ta’ xi wħud dwar dan. L-avukat Rodolfo Ragonesi, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Gaia, fiehem l-aspett legali tad-deċiżjoni – “Il-punt ta’ tluq huwa li kwalunkwè piena li tingħata għal reat trid tkun ibbażata mhux a bażi ta’ pieni ta’ reati oħra, iżda skont il-pieni kontemplati fil-liġi għal dak ir-reat partikolari. Jekk membri tal-pubbliku jħossu li l-pieni ta’ ċertu reat huma ħorox ħdejn reati oħra, dik hija kwistjoni ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Parlament a bażi tal-politiki relatati, u mhux kwistjoni tal-ġudikatura.”
Kompla jgħid kif “F’dan il-każ, il-Qorti kellha l-għażla, skont il-liġi, li wara li sabet l-akkużat ħati, tagħtih piena ta’ bejn €1,000 u €10,000 jew ħabs ta’ bejn 6 xhur u sentejn, jew għal multi u ħabs flimkien. Għalhekk il-qorti ddeċidiet li twaħħal l-akkużat il-medja tal-pieni kontemplati fil-liġi, u mhux il-massimu. Wieħed irid jistudja l-każ partikolari sabiex jistabbilixxi jekk il-piena medja hija ġusta. Biex tasal ghal din il-konkluzjoni irridu nipprovaw nifhmu r-raġunijiet għall-pieni għoljin jew medji, jiġifieri, il-kriterji li jwasslu għal dawn il-pieni, bħalma huma l-fatt li l-kaċċa saret f’żona residenzjali, il-fatt li kien ħdejn skola tat-tfal, u l-fatt li l-akkużat wera li mhux kapaċi jżomm ir-rażan, għax fi kliemu stess ammetta li ‘kien qisu għami’, kif ukoll il-fatt li ma kienx l-ewwel darba li l-akkużat ġie kundannat ta’ reat li jinvolvi kaċċa llegali.
Dawn il-fatti kollha meħudin flimkien, fl-opinjoni tiegħi, iridu jwasslu ghall-konklużjoni li d-deċiżjoni tal-Qorti li twaħħal lill-akkużat mill-inqas il-medja tal-piena kontemplata fil-ligi, hija deċiżjoni għaqlija u ġusta. Anzi, l-akkużat għandu jħoss ruħu b’xortih li ma weħilx il-piena massima ta’ sentejn ħabs u €10,000 multa. Wieħed irid jistaqsi x’jistgħu jkunu il-fatti li jistgħu jwasslu għall-piena iktar harxa minn dik li ngħatat lill-akkużat Mifsud. Il-pieni massimi mhumiex hemm sabiex jibqgħu biss ċifri miktubin fil-kotba tal-liġi, imma biex jiġu applikati fil-każijiet estremi. Jiena naħseb li dan kien każ kien jistħoqlu piena ħarxa. Il-fatti kollha ma setgħux faċilment iwasslu għal piena inqas milli dak li weħel Mifsud.
Prijoritajiet żbaljati
Toni Abela, id-deputat mexxej tal-PL sostna li “il-ġudikatura hija definitivament effetwata mill-burdata tal-opinjoni pubblika f’ċertu reati. Anzi jiena ngħid li għandha tieħu ta’ dan għaliex il-proċess ġudizzjarju huwa fost oġrajn maħsub li jagħmel ġustizzja mhux biss mal-akkuzat iżda anke mas-socjetà. Izda li jurtani hu, li ġieli minħabba dan tingħata prijorità lill-kwistjonijiet li fil-fehma tiegħi jkunu anqas soċjalment importanti minn oħrajn. Biex nagħti eżempju, meta fil-każ tal-kaċċatur li weħel sena ħabs l-aħbar kienet fuq il-faċċata ta’ kważi l-gazzetti kollha. Fl-istess ħin persuna tressqet persuna oħra li ħaqret minuri ta’ 5 snin li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu u kienet rapportata bħallikieku kienet aħbar ordinjarja mingħajr ma ingħatat l-importanza li jixirqlilha. Mhux hekk biss iżda isem il-persuna ma xxandritx u minn informazzjoni li għandi, din l-persuna tressqet il-Qorti bl-inqas mod formali. L-isproporzjon iddejjaqni.”
Sentenza Vendikattiva
“Sentenza vendikattiva”, kienu kliem il-preżentatur ta’ Peppi Azzopardi, fejn kompla billi qal li din “sentenza li jidher biċ-ċar, hija influwenzata mill-fatt li l-poplu qed jiżbel jara dawn it-tajr protett ikunu maqtula. Iżda din mhux Qorti tal-poplu imma Qorti tal-Ġustizzja. Mhux veru li l-ġustizzja trid issir u tidher qed issir. Il-ġustizzja trid issir. Għax meta ikun hemm tentattivi biex tidher li qed issir, issir inġustizzja kif ġara f’dan il-każ. Din hija sentenza vendikattiva għax x’se tieħu din il-persuna minn sena habs? Mhux aħjar ħa xogħol fil-kommunità anke biex jifhem aħjar il-ħsara li seta’ għamel?”
“Din is-sentenza tirrifletti l-ipokrezija ta’ poplu li jxerred id-dmugħ għal għasfur għax protett u ma jħossx l-istess għal fenek li għada jkun qed jinqela fil-taġnijiet Maltin. Mur ara kieku għal krudeltà mal-fenek nibdew neħlu sena ħabs. Min qed jgħid ma għandux x’jaqsam nistiednu jgħidli x’inhi id-differenza bejn l-ugigħ li jħoss għasfur protett u għasfur li mhux, xi tħoss il-familja ta’ għasfur protett u għasfur li mhux? U bilħaqq, jien ivvutajt le fir-referendum.
Kastig kollettiv fuq ’il fuq minn 9,500 ċittadin Malti u Għawdxi
Lino Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qal kif din “ta’ spiss stqarret li l-multi u pieni marbutin mal-kaċċa u l-insib huma spoporzjonati meta mqabbla ma reati oħra ta’ natura ħafna aktar gravi u serji.
Il-persuna li weħlet €5000, sena habs, konfiska tal-arma tan-nar u r-revoka tal-liċenzja tal-kaċċa għal dejjem, fil-fatt, weħlet il-massimu li tikkontempla l-liġi relatata.
Waqt l-għotja tas-sentenza, fost affarijiet oħra, l-Maġistrat innota li t-tajra protetta li sar l-ispara fuqa waqet feruta f’bitħa ta’ skola fejn f’dak il-ħin it-tfal tal-istess skola kienu jinsabu waqt il-ħin tar-rikreazzjoni tagħhom, kif ukoll, li minħabba dan ir-reat, l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, li r-riżultat tar-referendum rispettiv reġa kkonferma l-ftuħ legali tiegħu, ġie magħluq.
Jien ma naħsibx li l-ġudikatura f’Malta hi influwenzata mill-burdata tal-pajjiż, mill-opinjoni pubblika u mid-dikjarazzjonijiet tal-politiċi. Dan żgur m’għandux ikun. Però, kulħadd tad-demm u l-laħam, u żgur kull ġudikant hu konxju x’inhu għadej madwaru.
Fl-aħħarnett, rigward il-kastig kollettiv li ġie impost fuq ’il fuq minn 9,500 ċittadin Malti u Għawdxi, bl-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa b’reazzjoni diretta għal dan ir-reat ta’ persuna waħda biss, fl-opinjoni tagħna dan reġa’ kien att anti-kostituzzjonali u jista’ jservi ta theddida serja għad-demokrazija.”